Aġġornata
F’Nizza fi Franza, tal-anqas 84 persuna inqatlu f’attakk terroristiku, meta trakk misjuq minn raġel saq b’saħħa kbira fuq folla nies li kienet qed issegwi spettaklu ta’ logħob tan-nar fl-okkażjoni ta’ Jum Bastilja.
Ix-xufier inqatel mill-Pulizija u fil-vettura instabu ammont ta’ armi tan-nar, munizzjon u splussiv.
L-attakk seħħ meta x-xufier saq għal madwar 2 kilometri qalb il-folla għall-ħabta tal-11 ta’ billejl, qabel ma nqatel mill-Pulizija. Fost dawk mejta hemm saħansitra tfal. Mhux eskluż li mal-ħin li ġej jikber in-numru tal-vittmi hekk kif hemm għexieren midruba.
Il-President Franċiż Francois Hollande fisser dan l-attakk bħala attakk terroristiku, u estenda l-istat t’emerġenza fi Franza għal tliett xhur oħra. Franza ilha fi stat ta’ emerġenza sa’ minn meta seħħew l-attakki ta’ Pariġi f’Novembru li għadda, li fihom kienu nqatlu 130 persuna.
Intant, dawk li kienu fi Promenade des Anglais iddeskrivew xena tal-biża, b’iġsma ta’ nies fosthom żgħażagħ mitluq mal-art f’għadajjar tad-demm.
Il-President ta’ Malta, il-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru u l-iSpeaker tal-Parlament kollha esprimew solidarjetà wara l-attakk f’Nizza. Agħfas hawn biex taqra dwar ir-reazzjonijiet minn Malta.
//= $special ?>