Lokali Parlament

Attivita’ illegali fiċ-ċimiterju tal-Addolorata

Attività illegali ta’ Senior Health Inspector fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata bil-barka tad-Direttur tas-Sanità

Ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg sejħet bħala xokkanti, diżgustanti u inaċċettabbli mġiba ta’ Senior Health Inspector fil-post sagru taċ-Ċimiterju tal-Addolorata meta bena u biegħ illegalment oqbra u difen nies fuq għadam ta’ oħrajn f’oqbra ta’ soċjetajiet u fratellanzi.

Ikkundannat ukoll id-deċiżjoni li wara li tneħħa ftit tax-xhur ilu, ma ttiħdux passi kontra attività illegali u makabra li kienet qed issir bil-barka u l-approvazzjoni tad-Direttur preżenti tas-Sanità.

Meta tkellmet fil-Parlament illejla fil-ħin tal-aġġornament, Claudette Buttigieg semmiet li n-nuqqas ta’ governanza u nuqqas ta’ trasparenza qed ikollu effett anke fuq it-tmexxija taċ-Ċimiterju tal-Addolorata. Iddikjarat li dak li hu għaddej fit-tmexxija tal-Addolorata hu nkwetanti u xokkanti.

Ebda passi kontra attività illegali li ilha għaddejja fl-Addolorata
Staqsiet għalfejn ma ttiħdux passi kontra dan is-Senior Health Inspector. Għaliex id-Direttur responsabbli qatt m’għamel xejn biex irażżan l-imġiba ta’ din il-persuna anke meta saru rapporti fil-media dwar dan.

Filwaqt li rrimarkat li informazzjoni oħra xokkanti mhix se tkun qed tgħidha fil-Parlament, appellat lill-Gvern iħares lejn l-operat taċ-ċimiterju għall-affarijiet inaċċettabbli li qed isiru.

Fissret li t-tmexxija tal-Addolorata u d-dipartiment li qed imexxih, għandu problema serja lejn ir-rispett u l-memorja tal-għeżież mejtin tagħna.

Bena u biegħ illegalment oqbra
Żvelat li fiċ-ċimiterju, dan is-Senior Health Inspector bena u biegħ illegalment oqbra, u ma ttieħdet ebda azzjoni kontrih għall-attività illegali u serja li wettaq.

Il-pubbliku għandu jiftaħ għajnejh
Semmiet każ ieħor xokkanti li hu marbut ma’ ċimiterji oħrajn hekk kif appellat lill-pubbliku jiftaħ għajnejh. Irriżulta li fiċ-ċimiterju tar-Rabat, meta jitnaddfu l-fdalijiet tal-oqbra, jinġarru bil-mixi lejn il-knejjes ta’ San Franġisk u San Pawl, bil-ġarr ta’ dawn il-fdalijiet tal-għeżież tagħna jsir bla ebda rispett ta’ xejn u b’nuqqas serju ta’ sanità meta jgħaddu minn nofs l-attività ta’ ħwienet u tan-negozju fil-qalba taċ-ċentru tar-Rabat. Dan ix-xogħol li jsir mill-ħaddiema tal-Addolorata, jintalab ħlas ta’ €185.

Aktar każi xokkanti u sensittivi
Filwaqt li spjegat li ma kienx faċli li titkellem dwar dawn il-każijiet xokkanti u tant sensittivi, irrimarkat ukoll li ma jistax il-pajjiż u l-pubbliku jippermetti dan, jew idawwar wiċċu mingħajr ma tinġibed l-attenzjoni tal-awtoritajiet. Spjegat ukoll li se tkun qed tgħaddi l-informazzjoni lill-awtoritajiet fuq każijiet aktar xokkanti u li ma tħossx li għandha ssemmihom fil-Parlament minħabba s-sensittività tas-suġġett u l-każi diżgustanti.

Nies jindifnu fuq l-għadam ta’ oħrajn
Semmiet ukoll li l-istess Senior Health Inspector kien ħoloq sistema li jitlob ħlas, mingħajr ukoll ma jagħti irċevuti, biex jitnaddfu l-fdalijiet l-aktar dawk tal-fratellanzi u s-soċjetajiet. Minħabba li dawn il-fratellanzi u soċjetajiet m’għandhomx il-fondi meħtieġa għal xogħlijiet ta’ tindif tal-oqbra, illum saret prassi li mhux biss dawn l-oqbra ma jitnaddfux, iżda qed jindifnu nies fuq l-għadam ta’ oħrajn.

Semmiet li fost dawn is-soċjetajiet hemm ukoll l-oqbra tal-Pulizija. Barra li mhux qed jitnaddfu mill-għadam, mhux jitnaddfu lanqas mill-uniformijiet li jindifnu bihom bil-konsegwenza li qed tinħoloq problema ta’ spazju u loġistika. Appellat lill-awtoritajiet iħarsu lejn din is-sitwazzjoni b’mod serju u immedjat.

Żarmat u mibjugħ qabar tas-seklu l-ieħor
Semmiet ukoll li qabar li nxtara fil-bidu tas-seklu l-ieħor hemm min żarmah biex inbiegħ lil xi ħadd ieħor. Min hu responabbli għal dan għalaq għajnejh u dawwar wiċċu n-naħa l-oħra.

Ix-Shadow Minister saħqet li ċ-ċimiterju hu post sagru u ma nistgħux nittrattawh b’dan il-mod. Filwaqt li rrimarkat li se tkun qed tressaq mistoqsijiet parlamentari dwar dawn l-abbużi, appellat biex isir it-tindif meħtieġ, tiġi indirizzata t-telqa kbira u l-abbandun u l-iżdingar li hemm fil-preżent fl-Addoloroata. Dan, biex il-post sagru jilqa’ kif hu xieraq ix-xahar ta’ Novembru dedikat lill-mejtin.

Ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg temmet id-diskors imqanqal tagħha fil-Parlament tirrimarka li jekk mhux se nitkellmu fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż inkunu kompliċi daqs dawk li jabbużaw mis-sistema.

Kunsidrata wirja ta’ twiebet fl-Addolorata
Ikkundannat ukoll il-fatt li kienet ikkunsidrata attività fl-Addolorata ta’ wirja ta’ oqbra u twiebet fejn kien se jkun hemm ukoll fejn wieħed isib x’jiekol waqt l-attività soċjali.

Apprezzament lill-ħaddiema fis-servizzi tas-saħħa
Fil-bidu tad-diskors tagħha, ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg esprimiet apprezzament lill-ħaddiema fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa u lir-Red Cross li kienu essenzjali u eċċellenti fid-disgrazzja tal-4 ta’ Ottubru waqt l-attività Paqpaqli għall-Istrina. Irringrazzjat ukoll lill-poplu li f’dan il-mument traġiku għaraf il-bżonn li jingħata d-demm.

L-Oppożizzjoni tappoġġja l-appell tal-Whip tal-Gvern
Sellmet ukoll lill-Whip tal-Gvern Godfrey Farrugia li rritorna lura fil-Parlament wara żmien diffiċli ta’ kura u rriferiet għad-diskors li għamel fil-Parlament favur it-twaqqif ta’ Wellman Clinic waqt li offriet l-appoġġ kollu tagħha u tal-Oppożizzjoni.