Ekonomija Għawdex Lokali Parlament

Baġit bilanċjat iżda tħassib dwar taxxi ġodda – GTA

L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex (GTA) qalet li dan hu Baġit bilanċjat li jirrifletti t-tkabbir ekonomiku f’diversi setturi tal-industrija tat-Turiżmu.

Minkejja dan, il-GTA esprimiet tħassib dwar l-introduzzjoni tat-taxxa ambjentali, li qed tinġabar mnn fuq kull turist. Filwaqt li tirrikonoxxi l-impatt tal-industrija tat-Turiżmu fuq l-Ambjent, il-GTA se tkun qed tinsisti għal aktar kjarifikazzjonijiet fuq din il-miżura, speċjalment fil-kuntest tat-turiżmu intern u fuq ir-rati diġà kuntrattati għall-2016. Il-GTA qed tistenna wkoll li t-taxxa miġbura minn fuq is-sodod f’Għawdex tmur f’fond speċjali, bil-fondi jintefqu fit-titjib turistiku Għawdxi.

Il-GTA qalet li l-Baġit qed jenfażizza l-importanza tal-konnettività bejn Malta u Għawdex, fejn qed jalloka €500,000 għal studju tekniku u ġeoloġiku għal mina taħt il-baħar. Hu mistenni li l-istudji ambjentali dwar mitjar żgħir ikunu kkunsidrati u jitlestew fis-sena li ġejja. Proposta oħra hi li se jsir investiment f’post għall-irmiġġ ‘il barra mill-kosta tax-Xlendi għal cruiseliners partikolari. Il-GTA tistenna wkoll li jsir aktar investiment f’marina tal-jottijiet, kif ukoll terminal għall-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-criuseliners.

Il-GTA innotat b’sodisfazzjon il-miżuri tal-Baġit biex itejbu l-prodott turistiku Għawdxi, li jinkludu bini ta’ swimming pool, ir-restawr tal-akwadott, it-titjib ta’ Pjazza San Franġisk u l-bini ta’ ħitan tas-sejjiegħ fil-kampanja Għawdxija.