Ambjent Ekonomija Lokali Parlament

Baġit b’nuqqas ta’ viżjoni ħolistika għall-Ambjent – FAA

Fir-reazzjoni tagħha għall-Baġit, l-Għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) qalet li minkejja l-miżuri tal-Baġit, m’hemmx viżjoni ambjentali ġenerali.

FAA laqgħet il-miżuri tal-Baġit biex ikunu riġenerati żoni ta’ konservazzjoni urbana permezz ta’ inċentivi fuq il-bejgħ ta’ propjetà, il-proċeduri aktar mgħaġġla f’każi ta nuqqas ta’ qbil, kif ukoll il-proposti ta’ riġenerazzjoni ta’ Sant’Iermu.

Is-sanzjonijiet dwar propjetà abbandunata huma wkoll pożittivi, għalkemm l-FAA hi diżappuntata bin-nuqqas ta’ miżuri li jgħinu sidien jirranġaw il-propjetà antika tagħhom, speċjalment il-gallariji tradizzjonali Maltin. It-tnaqqis ta’ 150% fil-valur tat-taxxa f’donazzjonijiet għall-aspett storiku hi pożittiva, iżda kien mistenni li l-Baġit jeżenta totalment lil għaqdiet volontarji mill-VAT.

L-FAA qalet li minkejja xi miżuri li fih, il-Baġit ma jindirizzax il-problema tat-traffiku, filwaqt li sostniet li l-miżuri dwar ir-roti jridu jkunu akkumpanjati minn investiment fl-infrastruttura. L-FAA sostniet li l-Baġit hu nieqes minn miżuri li jikkonservaw l-Ambjent naturali ta’ Malta, fejn qalet li m’hemm l-ebda referenza għal proġetti ta’ afforestazzjoni. Bl-istess mod, ir-referenza għar-riabilitazzjoni tar-reservoirs tal-ilma hi limitata, aktar u aktar meta jkun ikkunsidrat li l-boreholes illegali ma kienux trattati fil-Baġit.

Minkejja l-miżuri pożittivi li fih, il-Baġit jonqos minn viżjoni kuraġġjuża u ħolisitika, speċjalment fil-preservazzjoni tal-ilma, żoni ‘l barra mill-iżvilupp, siġar u anke saħħa ambjentali.