Ekonomija Lokali

“Baġit li se jġib il-paċi” – Edward Scicluna

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-Budget għas-sena d-dieħla se jwassal għall-paċi industrijali u soċjali.

Il-Ministru Edward Scicluna qal dan waqt li ppreżenta d-dokument ta’ qabel il-budget lill-membri tal-MCESD, il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali.

Id-dokument iġib l-isem Prosperita’ b’Ġustizzja Soċjali.

Bħal ma jsir dejjem id-dokument ta’ qabel il-budget l-ewwel ikun ippreżentat lill-MCESD u wara jkun ippreżentat lill-media biex eventwalment ikun disponibbli għall-pubbliku.

Fid-diskors tiegħu, Edward Scicluna qal li r-riskji u l-isfidi ekonomiċi u finanzjarji issa, fit-tieni parti tal-leġiżlatura, huma akbar. Dan għaliex l-aspetattivi tan-nies huma akbar u qed jibqgħu jogħlew. Qal wkoll li għalhekk il-gvern se jipprova jidher ġust mad-domandi, proposti ta’ kulħadd.

Il-Ministru Scicluna qal wkoll li l-pressjoni fuq il-Ministeru tal-Finanzi kienet, għadha u tibqa’. Dan għaliex ikun hemm ħafna x’jista’ jsir u għalhekk importanti li jkun hemm is-serjeta’ meta il-flus jiġu allokati fil-budget.

Waqt il-laqgħa mal-MCESD Edward Scicluna rrefera għall-kwistjonijiet marbuta mal-pensjonijiet fil-korpi li hu rrefera għalihom bħala “lista twila ta’ grievances”, jiġifieri kwistjonijet li wara 4 snin għadhom pendenti minkejja wegħdiet li saru qabel l-elezzjoni ġenerali.

Il-Ministru Scicluna sostna li l-Ekonomija ta’ pajji’na għadha għaddejja minn żmien ta’ opportunitajiet u sifidi partikolarment b’rabta mal-Brexit. Għalhekk minkejja li bħalissa hu żmien sensittiv pajjiżna għandu jagħraf x’jista’ jisfrutta minn din is-sitwazzjoni.

Qal wkoll li l-għan fit-tul ta’ pajjiżna hu li l-kwalita’ tal-għejxien jilħaq il-livell ewropew fis-snin li ġejjin.

Preżenti għal din il-laqgħa mal-MCESD kien hemm anke l-Ministru għad-Djalogu Socjali u l-Libertajiet Ċivili Helena Dalli kif wkoll iċ-Ċhairperson tal-MCESD John Bencini.