Ekonomija Lokali Parlament

Baġit nofsu nej – Alternattiva Demokratika

L-Alternattiva Demokratika qalet li filwaqt li l-Baġit fih miżuri fid-direzzjoni t-tajba, dawn il-mizuri ma jmorrux ‘il hinn biżżejjed biex l-impatt tagħhom ikun aktar deqiżiv u dejjiemi. Għalhekk hu nofsu nej.

Fuq livell soċjali jibqa’ l-fatt li l-Gvern jibqa’ jħalli lil min għandu paga minima jiddependi mill-ġenerożità ta’ Baġit wara ieħor biex jinqala’ mir-riskju tal-faqar. Il-pass li ntgħażel mill-Gvern fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni biex il-pensjoni minima nazzjonali tkun ta’ 60% tad-dħul medju nazzjonali, se timxi bil-mod wisq. Din il-mira għandha bzonn tkun mgħaġġla aktar biex aktar pensjonanti jintrefgħu mir-riskju ta’ faqar aktar malajr.

Fuq livell ambjentali, il-Gvern qed jagħti messaġġi konfliġġenti. Filwaqt li jirrikonoxxi l-problema tat-traffiku, fl-istess ħin jitkellem fuq infieq infrastrutturali u aktar parkeġġi li jagħmilħa aktar faċli biex it-traffiku jiżdied.

L-AD sostniet li mhux biżżejjed jingħataw inċentivi fisakli żgħar għar-roti u roti elettriċi mingħajr ma jsir investiment sostanzjali fuq infrastruttura serja. Hi daħka fil-wiċċ li l-Gvern jalloka 30,00 ewro lill-kunsilli lokali għal dan il-għan li jammonta għal miżerja ta’ 450 ewro għal kull wieħed mis-67 kunsill lokali.

L-AD qablet dwar il-miżuri biex ikunu riġenerati proprjetajiet vakanti u sostniet li seta’ sar aktar.

Filwaqt li esprimiet qbil dwar it-taxxa fuq it-turiżmu, qalet li hu skandaluż kif il-Baġit ma jsemmi xejn fuq is-sostenibbiltà fl-użu tal-ilma u s-serq tal-ilma tal-pjan.