Internazzjonali

Ma jsalva ħadd fit-tiġrif ta’ bużżieqa tal-ajru f’Texas

L-awtoritajiet fl-Istat Amerikan ta’ Texas qalu li ma salva ħadd f’inċident li kien jinvolvi bużżieqa tal-arja sħuna.

Dan wara li l-bużżieqa, li kienet qed iġġorr, almenu, 16 il-persuna, ħadet in-nar f’nofs it-titjira u ġġarrfet ġo għalqa ftit tal-ħin wara. Intant, ma kienx magħruf kemm il-bużżieqa kienet qed tittajjar fil-għoli qabel inħakmet min-nirien, bil-konsegwenzi fatali.

Kelliema għall-Amministrazzjoni tal-Avjazzjoni Federali (FAA) fl-Istati Uniti qalu, fi stqarrija, li l-inċident seħħ fl-inħawi ta’ Lockhart, lejn in-nofsinar ta’ Austin, fiċ-ċentru ta’ Texas.

Fil-preżent, membri tal-istess FAA u tal-Bord Nazzjonali għas-Sigurtà tat-Trasport qed imexxu investigazzjonijiet fis-sit partikulari. L-investigaturi, fost oħrajn, qed jippruvaw jiddeterminaw ‘l-ammont u l-identitajiet tal-vittmi’.

Dan meta l-istampa ta’ Texas ikkwotat il-Pulizija f’Caldwell County, u sostniet li tilfu ħajjithom il-persuni kollha li kienu rekbin f’dan il-hot air balloon.