Lokali Parlament

Konfront bejn Michael Falzon u l-Awditur Ġenerali dwar il-każ ta’ Gaffarena

L-eks-Segretarju Parlamentari Michael Falzon qiegħed jixhed quddiem il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi rigward l-affidavit li bagħat b’risposta għal affidavit tal-eks Direttur tal-Estate Management Department, Charles Camilleri dwar it-trasferiment ta’ proprjetà lil Marco Gaffarena dwar nofs proprjetà fi Triq Zekka. Fix-xhieda li ngħatat s’issa, spikka l-konfront bejn Michael Falzon u l-Awditur Ġenerali, b’dan tal-aħħar jisħaq li ma kien hemm ebda mottiv politiku fir-rapport u fl-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġeenrali dwar il-proprjetà fi Triq Zekka.

Michael Falzon qal li Clint Scerri kien customer care. Mistoqsi minn Tonio Fenech, Chairman tal-Kumitat, Michael Falzon qal li r-rwol ta’ Clint Scerri kien ta’ customer care. Hu qal li hu qatt ma bagħat lil Clint Scerri biex jaġixxi f’ismu. Lanqas qatt ma qal lil xi direttur biex iqis lil Clint Scerri bħala li qed jaġixxi f’ismu.

Michael Falzon qal li dwar dak li għamel Clint Scerri, għandhom isiru mistoqsijiet lill-istess Scerri.

Iċ-Chairman tal-Kumitat Parlamentari, id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech, qal li mir-rapport tal-Awditur jirriżulta li l-proċess dwar it-trasferimenti kien mgħaġġel ħafna. Hu staqsa x’jidhirlu minn dak li sar.

Michael Falzon jerġa’ jiddikjara li ħallas dak li mhux tiegħu
Michael Falzon qal li hu qed jiġi mitlub jiġġudika l-aġir ta’ Clint Scerri. Hu qal li ħallas ta’ dak li mhux tiegħu. Ma jistax jiġġudika dak li għamel Scerri. Hu qatt ma ndaħal f’dak li għamlu d-diretturi. Qatt ma ra valutazzjonijiet.

Michael Falzon qal li hu ħalla d-dipartiment jimxi kif għandu jimxi. Żied li fil-każ tal-Cafè Premier ir-rapport tal-NAO qal li hu ħażin li l-politiku jindaħal. F’dan il-każ qed jgħid li l-politiku għandu jindaħal iżjed.

Michael Falzon qal li fl-ebda ħin ma ndaħal fil-proċess. Hu kkontesta dak li qal l-Awditur Ġenerali meta uża l-kelma ‘collusive action’ fil-konfront tiegħu. Michael Falzon qal li hu lest jgħid min għamel collusion ma’ min, u dan lest isostnih bil-provi.

Żied li bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mill-artijiet kien jiffirma diversi valutazzjonijiet. Mhux possibbli li hu jindaga kull waħda minn dawn il-valutazzjonijiet.

Michael Falzon jakkuża lill-Awditur Ġenerali
Mistoqsi dwar l-għaġla fil-proċess, id-Deputat Laburista Michael Falzon qal li l-bini inkwistjoni hu palazz u hu wżat għal diversi raġunijiet. Ma rax li hi xi ħaġa straordinarja għalih li jkun hemm rimarki biex ikun hemm esproprjazzjoni ta’ dan il-bini. Michael Falzon akkuża lil uffiċjali fl-NAO li kien hemm motivazzjoni politika fil-konfront tiegħu. Hu qal li dan il-kumment għamlu anke fil-pubbliku, u ħadd ma merih. Għal dawn ir-rimarki, l-Awditur Ġenerali ċaħad dan u saħaq li ma kien hemm ebda mottiv politiku u ebda aġenda politika.

Tonio Fenech ġibed l-attenzjoni ta’ Michael Falzon li l-esproprjazzjoni kienet se ssir fuq kwart tal-bini. Hu staqsa kif, ladarba seta’ ħaseb li l-bini hu bżonnjuż għall-Gvern, kif ma ġibidx l-attenzjoni tad-Dipartiment biex ikunu avviċinati l-proprjetarji l-oħra biex il-Gvern jakkwista l-proprjeta kollha.

Michael Falzon qal li kien ikun ħażin kieku avviċina lill-proprjetarji biex jiġi negozjat il-kumplament tal-bini. Hu qal li hu ma ta l-ebda struzzjonijiet biex il-proċess jitħaffef. Sostna li hemm każi oħra fejn il-files imxew fi ftit minuti. Dwar dawn, l-NAO għadu ma ressaqx rapport anke jekk ġie mitlub jinvestiga.

Michael Falzon qal li hu ma jistax iwieġeb fuq il-valutazzjonijiet. Din mistoqsija li għandha ssir lill-perit li jidher li lanqas ġie investigat mill-NAO. Hu staqsa jekk ir-rapport tal-NAO hux jippretendi li hu kellu jindaħal fil-valutazzjonijiet.

Tonio Fenech staqsa lill-Awditur jekk l-NAO tkellimx mal-perit dwar l-issues tal-valutazzjonijiet. L-Awdituri Ġenerali Charles Deguara li fiż-żmien tal-investigazzjoni dwar il-każ kien parti mit-tim investigattiv, qal li għalkemm tista’ ssir kritika għax-xogħol diffiċli tagħhom, l-NAO ma jistax jiġi akkużat li għandu motivi ulterjuri.

Deguara qal li l-NAO iltaqa’ mal-perit li anke ġie kkritikat fir-rapport. Fl-istess rapport hemm kapitlu sħiħ dwar l-atteġġjament tal-perit.

Michael Falzon qal li bid-dikjarazzjonijiet li hemm fir-rapport tal-NAO jimplikaw li hu indaħal biex isiru ċerti affarijiet.
Tonio Fenech qal li kritika li hemm fir-rapport hi li l-politiku għandu d-dover li jiġbed l-attenzjoni jekk l-affarijiet li jkunux qed isiru kif għandhom isiru.

Michael Falzon mitlub jiċċara iżjed ir-raġunijiet għaliex kienet qed issir l-esproprjazzjoni
Iċ-Chairman qal li bħala Segretarju Parlamentari li awtorizza li jibda l-proċess, kien jistenna li Michael Falzon jiċċara iżjed ir-raġunijiet għaliex kienet qed issir l-esproprjazzjoni.

Michael Falzon qal li l-ewwel nota tiegħu kienet biex ikunu segwiti l-proċeduri kollha skont ir-regoli u skont il-liġi.
Tonio Fenech qal li bħala Segretarju Parlamentari Michael Falzon seta’ rrifjuta li ssir l-esproprjazzjoni u jitħallas il-kumpens.

Michael Falzon qal li hu ma ndaħalx fil-valutazzjoni. Kieku għamel hekk kien jiġi msallab rasu ‘l isfel. Sostna li hu qatt ma ndaħal kif jiġi kwantifikat il- prezz li kellu jitħallas.

Tonio Fenech qal li hu mhux isostni li s-Segretarju Parlamentari kellu jikkontesta l-valutazzjoni. Imma seta’ m’aċċettax li jsir il-kumpens kieku ħass li l-kumpens kien wieħed għoli.

Michael Falzon qal li hu ma ħass xejn fir-rigward tal-prezz. Qal ukoll li l-proċess dejjem hekk kien u staqsa għaliex qed iqumu d-domandi biss f’dak li wettaq taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

Tonio Fenech staqsa lil Michael Falzon jekk ikkunsidrax ir-raġuni għaliex kienet qed tiġi akkwistata kwart tal-proprjetà. Il-Ministru Owen Bonnici qal li Michael Falzon kien qed jaġixxi fuq parir tad-Direttur tad-Dipartiment. Charles Mangion staqsa għaliex ir-rapport tal-NAO jirrimarka wkoll dwar l-interess tal-proprjetarji l-oħra meta għandu jħares l-interess tal-Gvern.

Kollużjoni tista’ tfisser ukoll ftehim sigriet
L-Awditur Ġenerali qal li l-kumment hu peress li l-Gvern xtara biss parti minn proprjetà sħiħa u minkejja l-prezz li ħallas baqa’ ma kellux il-proprjetà kollha f’idejh. Kien f’dan is-sens li saret rimarka dwar l-interess tal-proprjetarji l-oħra. Hu spjega wkoll li kollużjoni mhux bilfors tfisser li sar ftehim dwar affarijiet illegali. Kollużjoni tista’ tfisser ukoll ftehim sigriet.

Michael Falzon qal li dik il-kelma ntużat intenzjonalment. Setgħet intużat it-termini trading in interest. Qal li l-NAO għandhom jgħidu bejn min saret il-kollużjoni. Sostna li l-kollużjoni saret minn min għadda r-rapport lill-ġurnal The Times qabel tressaq fil-Parlament. L-Awditur Ġenerali qal li dawk kollha nvoluti fl-investigazzjoni lesti jieħdu affidavit li ma kien hemm ħadd minnhom li għadda r-rapport lil xi ġurnali.

Tonio Fenech talab lill-Awditur Ġenerali jgħid x’kienu r-raġunijiet li wassluh jikkonkludi li kien hemm kollużjoni bejn il-persuni msemmija.

Charles Deguara qal li r-rapport jelenka r-raġunijiet. Dawn jinkludu l-fatt li minkejja l-prezz li tħallas il-Gvern ma akkwistax il-proprjetà kollha imma parti, il-fatt li ma sarux tentattivi biex tkun akkwistata kollha, u l-fatt li Gaffarena kien sar jaf bil-valutazzjonijiet.

L-insistenza ta’ Clint Scerri ħarġet wara l-investigazzjonijiet
L-Awditur Ġenerali qal li matul l-investigazzjonijiet, Clint Scerri kien issemma ftit li xejn u kien biss wara li sar magħruf bl-insistenza min-naħa tiegħu.

Michael Falzon qal li hu qatt ma kkontesta l-pariri tad-Diretturi tad-Dipartiment. Fl-ebda mument ma kien hemm xi ħadd li ġibidlu l-attenzjoni li kienet qed issir pressjoni minn Clint Scerri. Kieku kien hekk kien jintervjeni. Hu qal li skont hu, dan il-proċess kien bħal esproprji oħra li bħalu kien ikollu diversi.

Tonio Fenech qal li dan hu differenti minn każi oħra għaliex hu proċess li nbeda mill-individwu li ried li ssir l-esproprjazzjoni. Kien jistenna għalhekk interess u attenzjoni akbar mis-Segretarju Parlamentari.

Charles Mangion qal li hu normali li l-politiku jimxi fuq il-parir tad-diretturi tas-Servizz Ċivil. Hu qal li r-rapport kellu jagħmilha ċara li r-responsabbiltà tal-politiku kienet waħda politika imma mhux li kien involut f’kollużjoni.

Jekk dak li hemm indikat hu veru, hemm implikazzjonijiet serji
Tonio Fenech qal li ż-żewġ affidavit li tressqu quddiem il-Kumitat, intbagħtu lill-Kummissarju tal-Pulizija għal investigazzjonijiet li hemm bżonn. Jekk dak li hemm indikat hu veru, hemm implikazzjonijiet serji. Spjega li r-rwol tal-Kumitat tal-Parlament mhux li jagħmel ġudizzju fuq xi ħadd.