Internazzjonali

Qtil ta’ tabib fil-Ġermanja ‘mhux terroriżmu’

Raġel armat, f’Berlin, spara għal tabib fuq il-kampus tal-Isptar tal-Università Benjamin Franklin qabel uża l-arma biex jikkommetta suwiċidju. It-tabib miet aktar tard mill-ġrieħi li ġarrab, bl-awtoritajiet isostnu li mhemm l-ebda sinjali li l-każ kien relatat mat-terroriżmu.

Intant, l-inċident fid-distrett ta’ Steglitz kompla jżid it-tensjoni fil-Ġermanja wara l-qtil tal-massa ta’ jiem ilu, fi Munich, fejn adolexxenti Ġermaniż ta’ nisel Iranjan wettaq massakru ta’ żgħażagħ qrib kumpless tax-xiri qabel spiċċa jneħħi ħajtu.

L-isparatura f’Berlin ma ħalliet l-ebda midruba u mifhum li l-aggressur – li jingħad li kien pazjent — aġixxa waħdu fiċ-ċirkustanzi. Skont ir-rapporti ir-raġel armat ingħalaq f’kamra ftit wara li kien spara għat-tabib u fejn, imbagħad, spiċċa jispara għalih innifsu.

Pulizija armati li ċċirkondaw il-kumpless u għalqu l-aċċessi kollha għall-università, wara, ċaħdu li kien hemm xi għan terroristiku wara l-isparatura.

L-istess kelliema sostnew li s-sitwazzjoni ‘kienet taħt kontroll’ u li ma kienx hemm aktar periklu għall-pubbliku. Dan filwaqt li huma sostnew l-importanza li n-nies jevitaw ‘milli jixprunaw it-teoriji mgħaġġlin u żbaljati’ fiċ-ċirkustanzi.

(Ritratt: Bild)