Lokali

Bi proposti konkreti l-PN se jgħolli l-kwalita tal-ħajja tal-anzjani

Ritratt mill-arkivji

Bi proposti konkreti l-Partit Nazzjonalista se jgħolli l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani Maltin u Għawdxin.

Il-Partit Nazzjonalista qal dan fi stqarrija mix-Shadow Minister tal-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici u mill-Kelliem tal-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabilità Robert Cutajar fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Anzjani li qed jiġi mfakkar fl-1 ta’Ottubru.

Għall-Partit Nazzjonalista mhux aċċettabbli li l-anzjani ma jlaħħqux sal-aħħar tax-xahar bil-pensjoni u għalhekk il-Kap tal-PN Simon Busuttil qed jimpenja ruħu li Gvern ġdid Nazzjonalista jgħolli l-pensjoni u li jneħħi t-taxxa tad-dħul minn fuq il-pensjoni.

Gvern ġdid Nazzjonalista huwa impenjat ukoll li jirrevedi t-taxxa li jħallsu l-anzjani fuq dividends li jirċievu mill-investimenti li jkunu għamlu f’shares.

Il-Kap tal-PN Simon Busuttil qed jimpenja ruħu wkoll li jagħti l-mediċini kollha lill-anzjani b’xejn.

Simon Busuttil għamel numru ta’ proposti konkreti li jolqtu l-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali li żgur jaffettwaw lill-anzjani ta’ pajjiżna. Fost dawn l-impenn li Gvern ġdid Nazzjonalista jreġġa’ lura t-taxxa fuq il-faqar u jbaxxi l-kera li żied Muscat għal dawk li jgħixu f’akkomoadazzjoni soċjali. Dan minbarra l-impenn tal-Kap tal-PN li Gvern ġdid Nazzjonalista jżid is-sussidju lil dawk il-familji li jikru mill-privat.

L-istqarrija tal-PN tfakkar li kemm ilu Prim Ministru Joseph Muscat l-anzjani ta’ pajjiżna mhux talli ma marrux għall-aħjar iżda marru għall-agħar. Din iż-żieda fin-numru tal-anzjani fil-faqar hija konsegwenza ta’ diversi deċiżjonijiet ħżiena ta’ dan il-gvern, fost l-oħrajn id-daqqiet ta’ ħarta li ħadu numru ta’ servizzi fil-komunità fosthom il-Meals on Wheels u l-Home Help.

L-istqarrja tal-PN ttemm b’tislima lill-anzjani kollha ta’ pajjiżna u lill-ħaddiema li b’tant dedikazzjoni jgħinu biex l-anzjani jkollhom il-ħajja li tixirqilhom.