Lokali

Biċċiet tal-għamara jintremew f’Selmun

Il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura jikkundanna bil-qawwa każ ieħor ta’ skart mormi illegalment, meta persuna irresponsabbli għażlet li tarmi biċċiet tal-għamara f’post turistiku magħruf f’Selmun.

Fi stqarrija il-Ministeru qal li sfortunatament, każi bħal dawn għadhom iseħħu ta’ spiss u dan meta l-pubbliku huwa moqdi b’servizz ta’ ġbir ta’ skart goff minn wara l-bieb tad-dar, servizz offrut mill-Kunsilli Lokali mingħajr ħlas. Barra minn hekk, jeżistu civic amenity sites fejn wieħed jista’ jmur jarmi l-iskart tiegħu.

Id-Direttorat għat-Tindif fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura joffri servizz mingħajr ħlas għal ġbir ta’ skart u jagħmel l-isforzi kollha, kemm bil-lejl u anke bi nhar. Il-maġġoranza tar-rapporti li jsiru fuq il-freephone 1718, jiġu indirizzati fi żmien 24 siegħa. Uħud mill-kazi jiġu indrizzati saħansitra f’inqas minn siegħa.

Fix-xhur li għaddew, inħoloq sit elettroniku ġdid fejn wieħed jista’ jitgħallem aktar dwar dan www.garbyandtidy.org.mt u anke’ mobile application li jisimha ‘Garby and Tidy’.