Ambjent Lokali

Birdlife Malta tgħid li l-Qtil ta’ tajr protett fl-aħħar jiem ta’ l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa hija prova ċara li l-problema għada magħna

Fi stqarrija l-għaqda BirdLife Malta qalet li fl-aħħar jiem ta l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa ġabbret żewġ għasafar protetti milquta biċ-ċomb. Il-bieraħ filgħodu nġabar Farruġ mejjet min persuna li sabitu waqt li kienet miexja f’għelieqi fl-inħawi tax-Xagħra Għawdex. Filgħaxija ta’ l-istess jum, Fras-Servjent instab b’feriti kaġunati minn tiri ta’ senter fil-bajja ta’ San Tumas f’Marsaskala.
Dan l-ispeci irnexxielu jbejjet f’pajjiżna fl-aħħar snin ġewwa ir-riservi naturali ta’ l-Għadira u s-Simar. Dawn iż-żewg speci ta’ għasafar kuluriti u kariżmatiċi kienu fil-mira sabiex jispiċċaw bħala trofej f’kollezzjonijiet ta’ kaċċaturi sostniet l-Birdlife.

“Dan huwa r-riżultat tan-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern biex jieħu pożizzjoni fid-dawl tal-ewwel illegalitajiet preċedenti fl-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa. Huwa ċar li l-pożizzjoni ta’ ‘zero tolerance’ li ħa l-Gvern is-sena li għaddiet kien biss gimmick” stqarr is-CEO tal-BirdLife Malta Mark Sultana. “Bil-biża’ dejjem tonqos li jkun hemm għeluq bikri ta’ l-istaġun, l-illegalitajiet żdiedu.” BirdLife Malta qalet li dan juri kemm il-problema tal-kaċċa illegali f’Malta hija ‘l bogħod minn solvuta u kummenti prematuri ta’ natura pożittiva normalment jiġu abbużati. “Sena wara sena ningħataw raġun bil-fatti dwar dak li BirdLife Malta dejjem issostni; li ma kull ftuħ ta’ staġun tal-kaċċa jiżdiedu l-illegalitajiet; li l-illegalitajiet f’Malta isiru rampanti l-mument li l-pressjoni tkun imdgħajfa; u li huwa l-biża t’għeluq tal-istaġun, aktar milli ir-rieda tajba ta l-individwi, li qed iżżomm l-illegalitajiet taħt kontroll. Il-mument li l-fattur ta’ biża jitneħħa, immorru lura għall-qtil illegali” Mark Sultana insista.

Birdlife spjegat li filwaqt li l-‘Wild Birds Regulation Unit’ immexxija min Sergei Golovkin, u s- Segretarju Parlamentari Roderick Galdes ta’ spiss jiftaħru biż-żieda ta’ multi kbar għal illegalitajiet, dawn l-inċidenti illegali baqgħu jseħħu taħt l-għassa tagħhom. Dawn iż-żewġ speċi huma mogħtija l-aħjar protezzjoni taħt ir-regolamenti lokali ta’ l-għasafar selvaġġi, fejn persuna tista tigi mmultata sa €5,000 jekk tinqabad tispara fuqhom. Madankollu tali multi jidhru li ma jkunu ta l-ebda’ xkiel meta l-infurzar ma jkunx adekwat spjegat l-istess stqarrija.

Minbarra l-fatt li l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa huwa miftuħ għall-kaċċa tal-Gamiema speci li hija ddikjarata bħala vulnerabbli, l-stess staġun tal-kaċċa huwa paraventu li jippermetti għasafar protetti li jiġu maqtula tispjega l-għaqda Birdlife. “M’hemm l-ebda raġuni aħjar minn dawn iż-żewġ punti sabiex jiġi ddikjarat it-tmiem ta’ staġuni tal-kaċċa fir-rebbiegħa f’pajjiżna darba għal dejjem” temm Mark Sultana.

Ritratti: Birdlife Malta