Futbol Sport

Birkirkara u Balzan jevitaw lil xulxin

Balzan u Birkirkara evitaw lil xulxin hekk kif telgħu l-poloz tas-semifinali tal-FA Trophy. Balzan se jiltaqgħu kontra Pembroke Athleta filwaqt li Birkirkara telgħu biex jilagħbu kontra Sliema Wanderers.

Birkirkara kkonfermaw posthom il-bieraħ wara li ma ntlaqax il-protest ta’ Floriana. L-Istripes kienu eliminaw lill-Furjaniżi 2-0. Balzan eliminaw lil Tarxien Rainbows 1-0 wara l-ħin barrani filwaqt li Sliema Wanderers kienu eliminaw lil St.Andrews 2-1 b’gowl lejn l-aħħar tal-logħba minn Aidan Friggieri. Pembroke għaddew għas-semifinali meta għelbu lil Pieta 3-1 ukoll wara l-ħin barrani.

Balzan u Pembroke għaddew mal-aħħar erbgħa tal-kompetizzjoni għall-ewwel darba u għalhekk se jkun l-ewwel konfront f’dan l-istadju. Minn naħa l-oħra Sliema u Birkirkara rebħu l-unur fil-passat b’Sliema huma l-aktar tim li rebaħ il-kompetizzjoni b’total ta’ 20 darba. Minn naħa l-oħra Birkirkara rebħu l-kompetizzjoni ħames darbiet. Fatt kurjuż hu li kemm Sliema u Birkirkara rebħu l-finali daqs kemm tilfu finali.