Futbol Sport

Blatter jgħid li Platini hu onest

Il-President tal-FIFA Sepp Blatter iddefenda lil dak tal-UEFA Michel Platini u qal li dan hu onest u li hu kapaċi jmexxi lill-FIFA. Bħalissa Platini hu sospiż għal 90 jum mill-Kumitat tal-Etika tal-FIFA x-xahar li għadda hekk kif għaddeja investigazzjoni għax fl-2011 dan kien irċieva pagament mingħand Blatter għal xogħol li kien għamel hu stess bejn l-1998 u l-2002 meta kien ‘konsulent speċjali’ ta’ Blatter. Dan tal-aħħar, f’Mejju li għadda rebaħ l-elezzjoni Presidenzjali tal-FIFA imma ħabbar li se jirriżenja mill-kariga u Platini kien wieħed mill-persuni li tefa’ l-kandidatura tiegħu biex jikkontesta l-elezzjoni. Imma s’issa għadu mhux konfermat bħala wieħed mill-kandidati uffiċjali. Il-Kumitat Elettorali se jerġa’ jevalwa l-kandidatura tiegħu la darba tintemm din is-sospensjoni.

“Platini hu bniedem onest. Nemmen li jekk jitħalla jikkonesta l-elezzjoni jirbaħha. Kapaċi jmexxi lill-FIFA minfloki,” qal Blatter. L-elezzjoni tal-FIFA se ssir fis-26 ta’ Frar li ġej.

Intant, l-istess Blatter, li għandu 79 sena, qal li matul l-aħħar ġimgħat kien viċin il-mewt. Blatter kien iddaħħal l-isptar isfori minn dipressjoni u f’kummenti li ta qal li ġismu ma felaħx aktar għall-pressjoni li qed issir fuqu dan l-aħħar.