Lokali

B’mod unanimu, il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar kontra post ta’ talb f’Buġibba

Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar qabel b’mod unanimu li l-Kunsill għandu joġġezzjona għall-applikazzjoni għal bdil ta’ użu u sanzjonar ta’ post tat-talb f’Buġibba.

Id-deċiżjoni ttieħdet waqt laqgħa tal-Kunsill Lokali li għaliha kien hemm diversi persuni preżenti, il-maġġoranza tagħhom kontra din l-applikazzjoni, u wara li s-Sindku Graziella Galea ppreżentajt l-informazzjoni relatata ma’ din l-applikazzjoni.

L-istess Sindku talbet li tiġi sospiża l-laqgħa sabiex dawk preżenti setgħu jitkellmu dwar din l-applikazzjoni. Wara din id-diskussjoni, b’mod unanimu, il-Kunsill qabel li għandu joġġezzjona għal din l-applikazzjoni.

F’kummenti li għamlet is-Sindku Graziella Galea wara din id-deċiżjoni, qalet li l-post magħżul – hu inadekwat għall-attivita’ li hu maħsub għalih (f’area żgħira, jinsab taħt l-art, u mhux aċċessibli għal kulħadd), ixekkel u jnaqqas l-ordni pubblika, hu kawża ta inkonvenjent (kien hemm diversi lmenti mir-residenti li persuni qegħdin jitolbu fit-triq, kif ukoll li dawn jikkawżaw periklu għal kull min irid jgħaddi miż-żona minħabba li l-bankini ma jibqawx aċċessibli għal kulħadd) u jkompli jżid il-problema ta’ nuqqas ta’ parkeġġ fiż-żona.

Fil-laqgħa tal-Kunsill ingħad li l-post ilu jopera illegalment, b’effett fuq ir-residenti taż-żona u kull min jgħaddi mill-post. “Attivitajiet illegali bħal dan il-każ għandhom jiġu mwaqqfa b’mod partikulari f’żoni turistiċi għal diversi raġunijiet kif ukoll għax attivita’ bħal din tnaqqas il-valur tal-propjeta’ fiż-żona,” stqarret is-Sindku Galea.

Dawk li jixtiequ joġġezzjonaw għal din l-applikazzjoni għandhom jagħmlu dan direttament mal-Awtorità tal-Ippjanar.