Sport Sport Ieħor

Bronż għal Attard fl-aqwa riżultat għal Malta

 

Fl-aħħar ġranet intlagħab il-Kampjonat Ewropew tad-darts f’Egmond Aan Zee, fl-Olanda bi 32 pajjiż jikkompetu għal numru ta’ unuri b’Malta tikseb l-aqwa riżultat fl-istorja ta’ dan il-kampjonat. It-tim Malti kklassifika fl-għaxar post overall u l-plejer Norbert Attard rebaħ il-midalja tal-bronż fil-kompetizzjoni tas-singoli.

Norbert Attard rebaħ l-ewwel midalja għal Malta f’dawn il-kampjonati bi prestazzjoni brillanti li nkludiet rebħiet kontra ċ-Champion tad-dinja tal-2015, Scott Mitchell tar-Renju Unit 4-3 u 4-1 kontra Darius Labanauskas tal-Litwanja li hu s-sid numru wieħed fil-klassifika WDF.

Attard ġie eliminat fis-semifinali kontra Richard Veenstra tal-Olanda li temm l-impenji tiegħu bil-midalja tad-deheb fis-singoli u d-doppji. Veenstra elimina lil plejer ieħor Malti fi triqtu għat-titlu, Albert Scerri fil-fażi tal-aħħar 32 f’logħba li ġiet deċiża fil-leg finali.

 

Il-PRO tal-MDA Andre Zammit f’isem l-assoċjazzjoni, irringrazzja u awgura lit-tim Malti għar-riżultati pożittivi li kisbu, riżultat li se jgħin l-isport ikompli jikber f’Malta.