“Bżajt li se jinfirex fuqha il-fuel” – ħareġ lit-tifla ta’ 6 snin minn taħt il-Porsche

“Rajt lit-tifla taħt il-Porsche. U mal-ewwel dħalt biex noħroġha għax bżajt li se jinfirex fuqha il-fuel, jew li allaħares qatt tispolodi l-karozza.”

Hija din l-esperjenza li qasam magħna Victor – dilettant kbir tal-karozzi li l-Ħadd li għadda kien qed isegwi l-ispettaklu organizzat fl-ajruport waqt Paqpaqli għall-Istrina. Dan ir-raġel ħelisha ħafif. Iżda x-xokk fuqu għadu wieħed kbir.

Victor spjegalna kif b’kuraġġ kbir ta l-ewwel għajnuna lit-tfal li indarbu fl-inċident. U issa, ix-xewqa tiegħu hi li jerġa’ jiltaqa’ mal-ġenituri ta’ dawn it-tfal, inkluż missier it-tifla ta’ sitt snin li issa qalbet għall-aħjar.

Intant, jidher li ftit hemm żviluppi ġodda li joħorġu mill-inkjesta li qed issir dwar l-inċident tal-Ħadd li għadda.

Sorsi kwotati fil-ġurnali lokali jindikaw illi l-esperti imqabbda mill-Maġistrat komplew ikellmu lil numru ta’ persuni li kienu fil-post u li raw il-karozza Porsche tiskidja għal fuq in-nies preżenti.

L-investigaturi qed jgħidu li għalissa mhux jidher li se jkun hemm tmiem fil-qrib għal din l-inkjesta, anke minħabba l-fatt li hemm il-fatti li ingħataw minn diversi xiehda, u ħafna informazzjoni x’tiġi analizzata.