Ekonomija Lokali

Bżonn li l-Gvern jistinka verament biex inaqqas il-burokrazija – Kristy Debono

Il-Gvern għandu jistinka verament biex inaqqas il-burokrazija żejda għan-negozji, fost oħrajn billi jintroduċi servizz online għall-ħlas tal-liċenzji tan-negozju, filwaqt li jinfetħu opportunitajiet ġodda għal setturi innovattivi, partikolarment fl-ekonomija diġitali.

Qalet dan, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għas-Servizzi Finanzjarji, l-IT u l-Gaming Kristy Debono meta pparteċipat f’konferenza organizzata mill-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA). Fost l-oħrajn, hi tkellmet dwar il-bżonn li l-Gvern ma jkomplix jisplodi n-numru ta’ ħaddiema maċ-Ċivil, b’numri li qed joħonqu lis-settur privat.

Kristy Debono sostniet li hu essenzjali li l-Gvern Laburista jintrabat biex tassew iwettaq l-Istrateġija Diġitali, filwaqt li enfasizzat l-importanza li f’pajjiżna tkompli titnissel il-mentalità ta’ taħriġ tul il-ħajja. Matul il-konferenza tal-MEA, hi semmiet ukoll il-ħtieġa li l-Gvern joħloq skemi ġodda għan-negozji żgħar u medji biex ikollhom il-finanzi meħtieġa ħalli jkomplu jikbru.