Lokali

Bżonn ta’ strateġija ħolistika li tindirizza l-problema tat-traffiku – il-PN

Ritratt: Arkivji

Ġranet bħal tal-lum jikkonfermaw kemm pajjiżna għandu bżonn strateġija ħolistika li tindirizza l-problema tat-traffiku, qal il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija.

Permezz ta’ stqarrija mix-Shadow Minister tat-Trasport Marthese Portelli, il-Partit Nazzjonalista qal li b’Ministru jgħid li ma jagħmilx mirakli u li l-uniku soluzzjoni li għandu hi dik biex in-nies jużaw il-baħar, pajjiżna se jibqa’ staġnat bi traffiku f’kull ħin tal-ġurnata.

Il-Partit Nazzjonalista żied li filwaqt li l-problema tat-traffiku ma bdietx tliet snin u nofs ilu, kif jixhed kull stħarriġ tal-opinjoni pubblika, din il-problema kibret ħafna fl-aħħar tliet snin u nofs. Dan minkejja l-wegħda ta’ Joseph Muscat li malli jsir Prim Ministru, t-traffiku jsir xi ħaġa tal-passat. Konferma ta’ kemm il-famuża roadmap qatt ma eżistiet.

Marthese Portelli tfakkar li f’Mejju li għadda, jiġifieri saħansitra qabel l-iskejjel waqfu għas-sajf, l-Partit Nazzjonalista ppreżenta 35 proposta konkreta biex it-traffiku seta’ jiġi ndirizzat fl-immedjat. Il-Gvern, iżda, flok poġġa madwar mejda, kkunsidra bis-serjetà dawn il-proposti u wettaqhom, injorahom u saħansitra prova jirredikolahom. Fost l-oħrajn, il-Partit Nazzjonalista propona li jingħata trasport b’xejn għat-tfal.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil beda jispjega wkoll il-viżjoni fit-tul tiegħu, jiġifieri dik ta’ sistema alternattiva ta’ trasport pubbliku bħalma hi s-sistema ta’ tram li teżisti f’ħafna bliet, li hi sistema moderna li tgħaqqad il-pajjiż, idealment anke lil Malta u Għawdex.

Il-Partit Nazzjonalista spjega li din il-viżjoni tefgħet f’paniku lil Muscat li, mhux talli m’għandu ebda soluzzjoni, iżda talli beda jivvinta stqarrijiet ta’ malajr li fihom l-ewwel qal li se jikkummissjona studju fuq l-użu tat-tram f’pajjiżna, imbagħad biex jgħid li se joħroġ tender biex isir studju dwar mina bejn Malta u Għawdex.

Muscat m’għandu ebda viżjoni għal pajjiżna. L-uniku mexxej li għandu viżjoni u li kapaċi jwettaqha hu Simon Busuttil, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.