Charlene, tfajla ta’ 32 sena li serqet qlub il-Maltin f’dawn l-aħħar xhur wara li mardet bil-kanċer, kitbet fuq Facebook li dan ix-xahar se tiċċelebra darbtejn, il-jum tat-twelid propja tagħha fit-12 ta’ Lulju u l-jum li fih reġgħet twieldet mill-ġdid, is-6 ta’ Lulju.
Fis-6 ta’ Lulju, Charlene rċieviet l-aħbar sabiħa ta’ Complete Pathological Response. Dan ifisser li r-riżultati wrew li ma għadx baqa traċċi tal-kanċer u għalhekk it-trattamenti ta’ kimoterapija issa se jieqfu.
Din l-aħbar intlaqgħet b’sorpriża hekk kif it-tabib ta’ Charlene qalilha li riżultati bħal dawn mhumiex komuni.
Hi kompliet tikteb li m’għandiex kliem biex tispremi dak li tħoss ħlief gratitudni. Irringrazzjat lil kull min għena, lill-familja tagħha u s-sapport kollu li tawha, u lill-ħbieb. Apparti minn hekk, Charlene qalet ukoll li din l-esperjenza għallmitha tħobb lilha nnfisha u kif tħares lejn il-ħajja minn perspettivi differenti. Hi tinsab ħerqana biex tagħmel pjanijiet għas-snin li ġejjin u għal dak kollu li l-ħajja tista’ ġġib magħha.
F’Jannar li għadda Charlene saret taf li għandha kanċer tas-sider u matul l-aħħar xhur, Charlene kienet qed taqsam il-vjaġġ tagħha mal-poplu Malti fuq il-profil tagħha ta’ Facebook. Hi kienet tikteb kemm f’mumenti diffiċli u anki f’mumenti ftit inqas diffiċli sabiex tagħmel kuraġġ lil ħaddieħor.
//= $special ?>