Futbol Sport

Chelsea huma t-tim mhux Costa biss – Ivanovic

Branislav Ivanovic sostna li t-tim jieħu preċedenza fuq l-individwu wara l-azzjonijiet ta’ Diego Costa wara li tħalla fuq il-bankina fl-aħħar logħba kontra Tottenham. L-Ispanjol tħalla fuq il-bank għal partita tal-Ħadd u deher jitfa’ l-bib fid-direzzjoni ta’ Mourinho.

Ivanovic insista li hu naturali għal plejer li jkun diżappuntat li jitlef logħba, iżda jemmen li d-dinamika tal-iskwadra hi aktar importanti fuq plejer wieħed. Id-difensur ġie kwotat jgħid li jibdew l-istaġun bħala tim u jridu jispiċċawh bħala tim.

“Naħseb li kulħadd għandu jaħseb fuq dan. Xi kultant, hu diffiċli li plejer ma jilgħabx iżda hi sitwazzjoni normali għall-klabb.” Chelsea jinsabu fl-14-il post wara bidu diffiċli iżda s-Serb jemmen li qegħdin fit-triq tal-progress. “Ħadd ma stenna dan il-bidu. Kien xokk għal kulħadd u ħadna ż-żmien biex wettaqna reazzjoni ta’ dak kollu li ġara,”kompla Ivanovic.

“Bdejna nibnu. Kulħadd qed iħoss dan u kulħadd jista’ jara l-progress. Naħseb li l-ispirtu pożittiv fit-tim reġa’ ġie u kollha qegħdin fit-triq it-tajba u rridu nagħmlu minn kollox biex nġibu l-punti lura. Jien qatt ma nitkellem fejn ħa nispiċċaw. Irridu nkunu realistiċi u nimxu logħba b’logħba u nġibu l-punti.” temm Ivanovic.