Internazzjonali

Ċittadini tal-Korea t’Isfel fil-periklu li jinħatfu

Uffiċjali fil-Korea t’Isfel wissew li hemm periklu li ċ-ċittadini tal-Korea t’Isfel jinħatfu mir-reġim tal-Korea ta’ Fuq.

Dan bi tpattija għall-grupp ta’ ħaddiema mill-Korea ta’ Fuq li kienu qed jaħdmu f’ristorant fiċ-Ċina u li ħarbu lejn il-Korea t’Isfel. Il-Korea ta’ Fuq qed issostni li dawn inħatfu minn spjuni mill-Korea t’Isfel.

Il-Ministeru għall-Għaqda Koreana qal li s-sedi diplomatiċi ta’ Seoul madwar id-dinja kienu avżati dwar dan il-periklu u qed issir ħidma biex iċ-ċittadini tal-Korea t’Isfel ikunu protetti.

Skont rapporti fil-media ta’ Seoul, qed issir ħidma biex jinħatfu nies mill-Korea t’Isfel biex imbagħad isir skambju ma’ dawk il-Koreani li ħarbu miċ-Ċina.

Fil-passat, ir-reġim tal-Korea ta’ Fuq kien ħataf ċittadini komuni ta’ pajjiżi oħra għall-finijiet tiegħu. Fost l-aktar magħrufa hemm il-ħtif fl-1978 fuq ordni tad-ditattur Kim Jong-Il ta’ direttur tal-films mill-Korea t’Isfel u martu, li kienet attriċi, biex jibdew jipproduċu l-films fil-Korea ta’ Fuq. Il-koppja kien irnexxielhom jaħarbu fl-1986.

Imbagħad fl-2002, il-Korea ta’ Fuq ammettiet li bejn l-1970 u l-1980 kienet ħatfet 13-il ċittadin Ġappuniż biex iħarrġu l-ispjuni tar-reġim fid-drawwiet u l-ingwa Ġappuniża.

.