Internazzjonali

Corbyn elett mill-ġdid bħala Kap Laburista

 

Il-politiku veteran Jeremy Corbyn kien elett mill-ġdid bħala Kap tal-Partit Laburista tar-Renju Unit, fejn għeleb faċilment l-isfida ta’ Owen Smith, l-avversarju dirett tiegħu.

Dan kien trijonf enfatiku għal Corbyn, li kiseb mat-62 fil-mija tal-appoġġ tal-Laburisti għal marġni ta’ rebħa akbar minn tas-sena l-oħra, meta hu kien elett Kap għall-ewwel darba.

Sadanittant, Corbyn impenja ruħu biex iġib l-għaqda lura bejn il-Laburisti waqt li insista li l-partit tiegħu jista’ jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss fir-Renju Unit.

Hu sostna, wara li tħabbar ir-riżultat, li qed iħossu onorat bil-fiduċja li wrew fih il-partitarji wara xhur ta’ tensjoni bejnu u numru kbir ta’ deputati parlamentari Laburisti. Fl-istess ħin, hu ħeġġeġ ‘biex in-nies jirrispettaw l-għażla demokratika li saret’.

‘Il fuq minn nofs-miljun membru tal-Partit Laburista, trejdunjonisti u sostenituri rreġistrati tal-partit ivvutaw biex jagħżlu l-Kap Laburista, bir-riżultat jitħabbar f’lejliet il-konferenza tal-Partit Laburista f’Liverpool.

Ir-rebħa ta’ Corbyn, sadanittant, mistennija tagħtih spinta biex ifassal l-aġenda politika għax-xhur li ġejjin, bl-osservaturi jaqblu li r-riżultat tal-vot bejn il-Laburisti għandu jitqies bħala daqqa ta’ ħarta serja għall-kritiċi ta’ Jeremy Corbyn.

Madankollu, għad hemm il-membri tal-Partit Laburisti li jinsistu li Corbyn jeħtieġ jagħti widen lis-sejħiet għal bidliet u riformi fi ħdan il-partit.

Min-naħa tiegħu, Owen Smith qal li jirrispetta r-riżultat iżda tenna li ‘issa r-responsabbiltà waqgħet fuq spallejn Corbyn biex inaqqas mid-diżgwid mal-Laburisti filwaqt li jgħaqqad il-moviment’.

Uffiċjali ewlenin mal-Partit Laburista issa qalu li l-kritiċi ta’ Corbyn fil-partit iridu jiddeċiedu jekk iridux jaħdmu miegħu u jirrispettaw id-direttivi tal-Kap fl-aħjar interessi tal-għaqda u l-istabbilità.

Fl-ewwel darba li Jeremy Corbyn kien elett Kap Laburista (f’Settembru tal-2015) hu kien għeleb lil tliet kandidati oħra u kiseb 59.5 fil-mija tal-vot