Lokali Saħħa

Dak kollu li għandek tkun taf dwar il-virus Zika

L-għaqda dinija tas-saħħa ddikjarat il-virus Zika bħala emerġenza globali u tajjeb li tkun taf jekk dan il-virus huwiex ta’ theddida għalik.

Hu mifhum li l-virus qed iwassal biex eluf ta’ trabi qed jitwieldu b’imħuħ mhux żviluppati. Madanakollu, sakemm m’intiex tqila jew qed tippjana li tkun tqila, iz-Zika mhuwiex kunsidrat bħala ta’ theddida kbira. Filfatt, iz-Zika joħroġ biss f’persuna waħda minn kull ħamsa li jkunu infettati.

X’inhuma s-sintomi?

Jekk joħroġlok il-virus, aktarx tinduna li jkollok id-deni, raxx, uġiegħ fil-ġogi, uġiegħ ta’ ras u għajnejn ħomor. Is-sintomi jibqgħu miegħek għal madwar ġimgħa.

Kif jinfirex il-virus Zika?

Iz-Zika jinfirex min-nemus infettat u fl-Amerika kien rappurtat l-ewwel każ taz-Zika trażmess sesswalment.

Kemm ilu jeżisti dan il-virus?

Il-virus tfaċċa l-ewwel darba fl-1947 fix-xadini. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, il-virus rari infetta n-nies u għal din ir-raġuni, ftit hemm informazzjoni dwar il-virus.

S’issa, hemm aktar 20 pajjiż fl-Amerika Latina infettati bil-virus u f’Malta tfaċċa l-ewwel każ tal-virus Zika, f’żagħżugħ li kien vaganza fil-Gżejjer Paċifiċi.

Kif tevita li timrad biz-Zika?

Peress li għad m’hemm l-ebda vaċċin li jikkura z-Zika, hu rakkomandat li wieħed jiflittja d-dar fejn jgħix, juża creams għal kontra l-gdim tan-nemus u jilbes kemm jista’ jkun ħwejjeġ biex ikunu evitati l-gdim tan-nemus.

Hemm vaċċin li jikkura z-Zika?

S’issa għad m’hemmx vaċċin li jikkura z-Zika. Pero’ wieħed tista’ jipprova jikkura s-sintomi billi jistrieħ, jixrob ħafna ilma u jieħu l-paracetamol biex ittaffi d-deni u l-uġiegħ.

Għandek għalfejn tinkwieta?

Wieħed għandu jevita li jsiefer lejn l-Amerika Latina, iżda sakemm jibqa’ Malta wieħed m’għandux għalfejn ikun allarmat. L-unika każ ta’ Zika f’Malta huwa iżolat u allura hu diffiċli li l-persuna konċernat jingidem minn xi nemusa li tista’ imbgħad tinfetta lil xi ħaddi ieħor.