Lokali

Dawk li xtraw iċ-ċittadinanza jiġu Malta darbtejn biss – iċ-Chairman ta’ Identity Malta

Waqt li kien qed jixhed fil-kawżi ta’ rikors li ressaq il-Partit Nazzjonalista biex individwi li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija jitneħħew minn fuq ir-reġistru elettorali, ċ-Chairman ta’ Identity Malta Joe Vella Bonnici żvela li l-individwi li jixtru ċ-ċittadinanza Maltija huma mitluba minn Identity Malta biex jiġu f’pajjiżna biss darbtejn u jqattgħu biss ftit ġranet jew ftit ġimgħat biss.

Din id-dikjarazzjoni, li saret taħt il-ġurament, hi waħda li titfa’ dawl ġdid fuq il-proċess li suppost qed isir mill-Gvern Malti qabel ibiegħ il-passaport Malti lill-individwi barranin. Ippressat biex jagħti aktar dettalji dwar dan, Joe Vella Bonnici qal li l-ewwel darba li jiġu f’pajjiżna l-individwi li jkunu jridu jixtru l-passaport Malti, jimlew l-applikazzjoni u d-dokumenti meħtieġa, biex imbagħad jinħarġilhom il-permess ta’ residenza. It-tieni darba li jiġu Malta, qal Joe Vella Bonnici, hu biex jieħdu l-ġurament li jingħata lil dawk kollha li jieħdu ċ-ċittadinanza Maltija.

Sa ftit ġimgħat ilu, l-Gvern u l-istess Identity Malta baqgħu jiddefendu dan il-proċess tant li baqgħu jinsistu li wieħed mir-rekwiżiti biex individwi jkunu jistgħu jixtru l-passaport Malti hu li jgħixu 12-il xahar f’Malta. Kriterji li issa, anke fi kliem Joe Vella Bonnici stess, mhix qed tinżamm.

Id-dikjarazzjoni taċ-Chairman ta’ Identity Malta saret waqt is-smiegħ ta’ wiehed mir-rikorsi li għamel il-Partit Nazzjonalista. Ilbieraħ instemgħu b’kollox seba’ rikorsi u ġew milqugħa kollha kemm huma peress li ebda mill-individwi miċ-Ċina, u mir-Russja fost l-oħrajn, ma ppreżenta ruħu fil-Qorti biex jiddefendi d-dritt tal-vot tiegħu – konferma li dawn l-individwi ma jgħixux f’Malta. B’hekk, dawn l-individwi ġew ikkanċellati mir-reġistri elettorali tal-elezzjoni ġenerali, tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew.

Il-kwistjoni tal-bejgħ taċ-ċittadinanza hi waħda li tibqa’ tiddomina l-aħbarijiet barranin, b’mod speċjali fl-Unjoni Ewropea, tant li ssemmiet diversi drabi waqt is-smiegħ li kellhom Toni Abela u Leo Brincat quddiem il-Parlament Ewropew, fil-proċess biex jintgħażlu għall-kariga ta’ Awdituri fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.