Internazzjonali

‘Deadline’ mill-UE lill-Greċja dwar il-fruntieri

L-Unjoni Ewropea tat sa tliet xhur żmien lill-Greċja biex tirranġa l-kontrolli mal-fruntiera, f’pass li jista’ jippermetti biex stati oħrajn taz-zona Schengen iżommu l-kontrolli interni mal-fruntieri.

Ġimagħtejn ilu, abbozz ta’ rapport sab li l-Greċja kienet ‘abbandunat bil-kbir’ l-obbligi biex tikkontrolla l-fruntiera esterna ta’ Schengen; iz-zona tal-Ewropa għall-moviment ħieles mill-fruntieri. Intant, xi Stati tal-UE, fl-aħħar ġimgħat, imponew mill-ġdid il-kontrolli mal-fruntiera fuq bażi temporanja.

‘Il fuq minn 850,000 immigrant u refuġjati waslu fil-Greċja s-sena l-oħra waqt li mill-bidu tas-sena, madwar 80,000 qasmu diġà għal dan il-pajjiż mit-Turkija. Din il-ġimgħa, in-NATO ħabbret li kellha tistazzjona l-bastimenti fl-Eġew bl-iskop li tikkontrolla lit-traffikanti tan-nies li huma attivi ferm f’dan il-baħar.

Il-parti kbira tal-immigranti u refuġjati jridu jivvjaġġaw mill-Greċja biex jaslu fil-Ġermanja u pajjiżi oħrajn fit-Tramuntana tal-Ewropa.

Fl-istess ħin, il-Ġermanja u stati oħrajn ikkritikaw il-Greċja għan-nuqqas tagħha li trażżan din il-mewġa ta’ immigranti.