Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

Dell tqil fuq il-governanza pubblika

L-ambjentalisti jiddomandaw jekk għandhiex issir inkjesta oħra dwar applikazzjoni għal estenzjoni tal-Isptar ta’ Iżolament fl-Imtarfa fl-isfond tal-policy l-ġdida tal-Gvern dwar permessi għal bini ta’ żewġ sulari fuq binijiet eżistenti li jservu bħala djar tal-anzjani.

Il-pożizzjoni tal-ambjentalisti kienet espressa f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Ġonna ta’ San Anton mill-Alternattiva Demokratika u l-pressure group ambjentali Flimkien għal Ambjent Aħjar. Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mid-Deputat Chairman tal-AD Carmel Cacopardo, iċ-Chairperson tal-pressure group Flimkien għal Ħajja Aħjar Astrid Vella u l-kunsillier tal-AD f’Ħ’Attard Ralph Cassar. Għall-konferenza attenda wkoll iċ-Chairperson tal-AD Arnold Cassola u numru ta’ residenti tal-Imtarfa u ta’ Ħ’Attard.

Kienu id-Deputat Chairman tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo u l-ambjentalista Astrid Vella li semmew il-ħtieġa ta’ inkjesta dwar l-każ tal-applikazzjoni għall-estenzjoni tal-Isptar tal-Iżolament fl-Imtarfa. Dan għall-fatt li minkejja li l-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika għalaq il-Ġimgħa, xhur ilu kienet sottomessa applikazzjoni għal dan l-iżvilupp.

Carmel Cacopardo qal li hu evidenti li l-policies qed isiru biex ikunu aġevolati l-iżviluppaturi u sostna li dan il-każ ikompli jitfa’ dell tqil fuq il-governanza pubblika. Id-deputat Chairman tal-Alternattiva Demokratika qal li dan hu proċess li jidher intiż biex ikun aġevolat żviluppatur. Jidher ċar, sostna Carmel Cacopardo li kien hemm informazzjoni maħruġa minn qabel dwar din il-policy.

Jirriżulta l-Isptar tal-Iżolament fl-Imtarfa hu skedati fi Grad 2 iżda b’dan l-iżvilupp propost dan il-wirt storiku se jitlef l-identità oriġinali tiegħu; liema identità hi wkoll parti mill-identità tal-Imtarfa bħala lokal.

Kritika oħra għall-MEPA minn Carmel Cacopardo u Astrid Vella kienet dwar il-policies tal-MEPA fil-kuntest tal-Pjani Lokali fejn sostnew li b’mod sistematiku l-MEPA qed iżżarma biċċa biċċa l-Pjani Lokali.

Astrid Vella qalet li Flimkien għal Ambjent Aħjar huma kontra li jingħataw permessi għal estenzjoni tad-djar tal-anzjani fil-lokalitajiet għaliex dawn joħolqu iktar problemi fil-lokalitajiet u ma joffrux l-aħjar servizzi għall-anzjani. Il-proposta ta’ Flimkien għal Ambjent Aħjar u l-Alternattvia Demokratika hi li jinħolqu djar għall-anzjani fil-komunità.

L-estenzjoni tad-djar għall-anzjani b’żewġ sulari se tfisser iktar qerda tal-ambjent u l-ħolqien ta’ iktar ghetos għall-anzjani. Proposta ta’ Flimkien għal Ambjent Aħjar hi li jintużaw l-għaxar skejjel abbandunati li għandu l-gvern fl-komunità biex ikun modernizzati bħala djar għall-anzjani. Astrid vella qalet li dawn l-estenzjonijiet se jġibu l-qerda ta’ ġonna pubbliċi u prroblemi ta’ nuqqas ta’ xemx, flimkien ma’ problemi ta’ traffiku fil-lokalitajiet. Hi spjegat kif pajjiżi Ewropej qed jagħżlu li jinvetst fi djar żgħar fil-komunità għall-anzjani minflok djar kbar.

Il-kunsillier tal-Alternattiva Demokratika fuq Ħ’Attard Ralph Cassar tkellem dwar l-effetti tad-djar tal-anzjani fil-lokal u spjega kif il-lokal ma jiflaħx għal iktar estenzjonijiet. Ma’ dan qabel resident ta’ Triq San Anton li spjega kif bl-estenzjoni tad-djar għall-anzjani fit-triq tiegħu s-sistema ta’ drenaġġ m’hix tlaħħaq tant li f’ċertu każi ċertu bjar kienu kontaminati.