Internazzjonali

Determinat li jikkonfronta lil Trump ‘b’ottimiżmu’

Is-Senatur ta’ Virginia Tim Kaine attenda l-ewwel rally tiegħu, fi Florida, bħala l-kandidat tal-Partit Demokratiku għall-kariga ta’ Viċi-President Amerikan, fejn sostna li ‘l-Istati Uniti ma nbnietx fuq il-kunċett tal-biża’.

U f’rimarki meqjusa bħala attakk dirett fuq Donald Trump, il-kandidat tal-Partit Repubblikan għall-Presidenza tal-Istati Uniti, Kaine saħaq li Trump, negozjant biljunarju, ħalla warajh ‘baħar ta’ wiegħdi miksura’.

Il-Konvenzjoni Nazzjonali tad-Demokratiċi fetħet fil-belt ta’ Philadelphia fost stennija kbira għall-għażla uffiċjali tal-eks Segretarju tal-Istat Amerikan, Hillary Clinton, bħala l-kandidat Demokratiku li, f’Novembru, tisfida lil Trump għall-Presidenza tal-Istati Uniti.

Kaine, li fi tmiem il-ġimgħa, intgħażel bħala r-running mate ta’ Hillary Clinton, jista’ jappella lir-Repubblikani li ma jogħġobhomx l-istil ta’ Donald Trump, u dan minkejja l-botta ta’ Trump fis-sens li ‘(Hillary) Clinton u Kaine ma jidhrux xierqa għar-rwol ta’ President u Viċi-President tal-Istati Uniti.’

L-osservaturi jgħidu li l-kummenti ta’ Kaine huma intiżi biex jappellaw lil Demokratiċi orjentati lejn ix-xellug u li sa ftit ilu setgħu appoġġjaw lis-Senatur Bernie Sanders, l-eksrivali ta’ Clinton għat-tikketta Demokratika.