Għawdex Lokali

Dewmien u traffiku fl-Imġarr Għawdex minħabba ħsara f’vapur tal-Gozo Channel

Dewmien kbir fil-port tal-Imġarr hekk kif vapur tal-Gozo Channel qed jikkawża staġnar fis-servizz tat-trasport fil-fliegu ta’ bejn Malta u Għawdex.

Skont informazzjoni li waslet lil netnews.com.mt, il-vapur MV Malita għandu ħsara f’waħda miż-żewġ bibien u għaldaqstant entratura waħda biss qegħda tintuża mill-vetturi biex jitilgħu abbord l-vapur.

Din il-ħsara fil-bieba tal-vapur ilha tirrikorri għal dawn l-aħħar ġranet, u s’issa għadha ma ssewwietx.

Minħabba din il-bieba li mhux qegħda tiffunzjona, l-MV Malita qiegħed juża bieba waħda biss – fejn biex jgħabbi u jniżżel il-vetturi ikollu jieħu ħafna ħin biex idur fil-port u jippożizzjona ruħu sew mal-moll fl-istess naħa ta’ fejn ikunu telgħu abbord l-karozzi.

Skont l-istess sorsi, dan id-dewmien fl-irmunkjar qed jikkawża biex l-Gozo Channel taqa’ lura fil-programm tal-operat tal-vapuri tagħha – bil-konsegwenza li l-persuni li jridu jaqsmu l-fliegu bejn il-gżejjer Maltin qegħin jinqabdu fit-traffiku li nġabar fl-Imġarr Għawdex.