Lokali

Dikjarazzjoni b’saħħitha – Il-PN se jibqa’ jkun il-vuċi u t-tarka taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin

Ħames għaqdiet taż-żgħażagħ illum għamlu dikjarazzjoni b’saħħitha u importanti favur li ż-żgħażagħ ta’ 16-il sena jingħataw id-dritt tal-vot f’elezzjoni ġenerali.

Il-proposta oriġinat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fil-Mass Meeting tal-Indipendenza fuq il-Fosos tal-Floriana.

L-għaqdiet firmatarji ta’ din id-dikjarazzjoni huma l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ), il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista, il-Forum Żgħażagħ Laburisti, l-Istudenti Demokristjani Maltin (SDM), l-għaqda Pulse u l-AD Żgħażagħ.

L-għaqdiet taż-żgħażagħ appellaw lill-Parlament biex ma jdumx ma jiddibatti dan kollu ħalli sal-elezzjoni ġenerali li ġejja dan il-pass jidħol fis-seħħ.

L-għaqdiet qalu li ż-żgħażagħ mhumiex biss il-futur ta’ pajjiżna, iżda wkoll il-preżent u għalhekk għandhom jingħataw il-vuċi meħtieġa.

Intant il-PN qal fi stqarrija b’referenza għall-ittra mibgħuta mir-rappreżentanti ta’ sitt għaqdiet taż-żgħażagħ lill-Membri Parlamentari li fiha qed jinsistu li l-Kamra tar-Rappreżentanti tiddiskuti din il-proposta b’mod immedjat biex tiġi implimentata għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Filwaqt li jifraħ lill-għaqdiet taż-żgħażagħ li għamlu dan il-pass, il-Partit Nazzjonalista, wara li kien hu flimkien mad-Deputat Marlene Farrugia, li ressqu l-mozzjoni fil-Parlament, jerġa’ jtenni dak li qalu l-għaqdiet taż-żgħażagħ, jiġifieri li din il-mozzjoni għandha tiġi diskussa u tgħaddi mill-Parlament b’mod immedjat.

Hu ċar, anke mill-ittra maħruġa llum, li l-Partit Nazzjonalista qed ikun il-vuċi u t-tarka taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Dan anke bil-fatt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kien minn tal-ewwel li wara l-proposta tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ dwar il-votazzjoni minn 16-il sena, tkellem dwar dan u aġixxa.

Minn naħa l-oħra, Joseph Muscat, filwaqt li fil-liġi hemm id-dritt li ż-żgħażagħ ta’ 16-il sena jivvutaw fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, ħassrilhom l-elezzjoni biex ma jkunux jistgħu jivvutaw. Dan filwaqt li ċaħħad id-dritt liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena biex jivvutaw fir-referendum tas-sena li għaddiet.

Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista għandu fiduċja fiż-żgħażagħ bl-azzjoni u bil-fatti, l-Partit Laburista għadu qed jaħsibha.