Lokali

‘Dinjità lill-ħaddiem’ – Konferenza Nazzjonali mill-SĦPN fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem

Dalgħodu fil-Lukanda Le Meridien San Ġiljan qed issir konferenza nazzjonali bit-tema ‘Dinijità lill-ħaddiem’ mtellgħa mill-SĦPN, Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista bil-kollaborazzjoni tal-MEP u Shadow Minister tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Therese Comodini Cachia.

Matul il-konferenza qed jipparteċipaw diversi persuni u aktar tard il-konferenza se tkun indirizzata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Fil-bidu tal-konferenza, il-President tal-SĦPN, Ivan Castillo tkellem dwar il-prekarjat u qal li dan ma jfissirx biss pagi mhux ġusti u adegwati, imma jinkludi wkoll is-settur tas-saħħa, nuqqas ta’ speċifikazzjonijiet tax-xogħol u nuqqas ta’ kundizzjonijiet diċenti. Irid ikun ikkunsidrat ukoll il-mod kif qed jingħataw il-kuntratti tax-xogħol. Ivan Castillo tkellem dwar il-valur tal-paga quddiem sitwazzjoni ta’ ekonomija li sejra tajjeb. Importanti wkoll li l-ġid ikun imqassam ma’ kulħadd b’mod ġust, sostna Ivan Castillo.

Ix-Shadow Minister għax-Xogħol Therese Comodini Cachia qalet li mil-laqgħat mal-ħaddiema qed jirrizultaw li ħafna ħaddiema qed jiġu mneżża mid-dinjita’ tagħhom wara li fuq il-post tax-xogħol jgħaddu minn diskriminati, ma jkunux rikonoxxuti u jgħaddu minn inġustizzji. Irid ikun rikonoxxut li hemm diversi setturi fil-pajjiż, fosthom is-setturi finanzjarji, fejn il-pagi tal-ħaddiema mhux tajbin. Min-naħa l-oħra hemm ħafna ħaddiema oħra li jħossuhom nieqsa mir-rispett u li d-dinjita’ tagħhom hi mċaħħda. Hi semmiet diversi eżempji, fosthom ta’ raġel li jaqla inqas minn €1,000 fix-xahar u li jistħi jgħid lill-familja tiegħu bl-ammont ta’ paga li jaqla’. Bla dubju l-paga hi wieħed mill-fatturi li l-ħaddiema jħossuhom rikonoxxuti biha għaliex fiha hemm is-sagrifiċċji li l-ħaddiema jagħmlu. Comodini Cachia qalet li l-politiċi għandhom rwol biex il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jitjiebu.

Carm Mifsud Bonnici qal li fid-distribuzzjoni tal-ġid, il-ħaddiema jinsabu fil-faxxa tisfel u jidher li mhux qed jitjieb. Għalhekk jeħtieġ riflessjoni biex il-ġid nazzjonali jitqassam aħjar, aktar u aktar quddiem ekonomija li sejra tajjeb. Jidher li l-Gvern mhux jifhem li għandhom isiru miżuri soċjali ġodda biex tissaħħaħ id-dinjita tax-xogħol mhux fil-livelli ekonomiċi biss iżda anki fil-livelli soċjali. Hawn wisq nies li jinsabu fil-faxxa t’isfel, fosthom il-pensjonanti, li m’humiex ilaħħqu mal-ħajja. Dan qed iġib sitwazzjoni li fihom hemm familji li mhux ilaħħqu mal-ħajja.

Hu tkellem dwar il-kunċett ta’ demokrazija ekonomika u qal li jrid ikun il-gvern li jilleġiżla biex ma jkunx hemm inġustizzji fis-soċjeta. Jeħtieġ li jkun ikkunsidrat x’inhi d-dinjita tax-xogħol u li din ma ktunx ikkunsidrata biss mill-aspett ta’ liberaliżmu.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar ir-realta’ tal-ħaddiema li qed jiġu minn barra li qed jaċċettaw kundizzjonijiet inferjuri għal dawk Maltin.
Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers qal li fil-pajjiż daħlet l-idea li l-ħaddiema jistgħu jgħaddu mingħajr il-unions u għalhekk qed jitnaqqar il-kunċett ta’ solidarjeta fost il-ħaddiema. Is-solidarjeta’ qed tinħall għaliex il-bniedem illum sar individwalist. Dan qed jeffettwa negattivament it-trejdunjoniżmu. Dwar il-prekarjat, Josef Vella qal li l-UĦM taħdem biex teliminah iżda jkun diffiċli jekk ma jkunx hemm unions fuq il-postijiet tax-xogħol.

Josef Vella qal li l-prekarjat jiddomina fejn m’hemmx unions u kompla li l-UĦM tat soluzzjoni lill-gvern quddiem il-prekarjat. Hu sostna li l-liġi teżisti iżda mhux implimentata u għandha tkun imsarrfa anki permezzz tat-teknoloġija. S’issa l-Gvern aċċetta l-proposta tal-UĦM iżda ma kienx hemm kuntatt biex il-proposta issir. Il-UĦM kienet qed tistenna lill-Gvern li jieħu passi immedjati u mhux jagħmel biss attivitajiet ta’ propoganda.

L-Avukat Ian Spiteri Bailey qal li dan il-Jum il-Ħaddiem hu fost l-aktar imtebba propju għaliex it-Tribunal Industrijali ilu ma jiffunzjona għal xahrejn u dan qed iġib kriżi industrijali. Il-problema ilha ġejja minn qabel is-sajf ta’ sentejn ilu iżda l-gvern baqa’ m’għamel xejn dwarha. Din is-sitwazzjoni qed tkabbar il-problema tal-prekarjat għaliex il-ħaddiem m’għandux l-għodda biex jieħu dak li hu tiegħu.

Josef Vella tkellem dwar li diversi ħaddiema qed ituhom impjiegi f’postijiet tal-gvern iżda m’humiex fil-fatt impjegati mal-ħaddiema. Il-GWU llum qed tpoġġi lill-ħaddiema fil-prekarjat b’diversi kuntratti. Il-problema tal-prekarjat m’għandhiex tintuża bħala ballun politiku. Sa qabel l-aħħar elezzjoni l-GWU kienet kontinwament titkellem fuq il-prekarjat iżda issa mmutat, sostna Josef Vella, li nsista li l-ħaddiema jridu jkunu organizzati quddiem l-organizzazzjoni li għandhom is-sidien. Jeħtieġ li l-unions ma jibqgħux joffru servizzi antikwati iżda jridu jkunu proattivi u joffri servizzi iktar moderni.
Carm Mifsud Bonnici tkellem dwar il-whistle blower act u qal li din għandha ktun għodda f’idjen il-ħaddiem u sostna li l-Oppożizzjoni qed tappella lill-Gvern biex jilleġiżla bl-aħjar mod. Hu appella biex il-whistle blower act tkun attwata b’mod korrett fuq il-post tax-xogħol u sostna li l-ħaddiem mhux informat dwar id-drittijiet tiegħu fuq il-post tax-xogħol.