Lokali

Diżappunt għall-aġir tal-PL u ta’ Toni Abela

Il-Kulleġġ Kandidati tal-Partit Nazzjonalista jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-aġir tal-Partit Laburista u partikolarment tal-Viċi Kap tiegħu Dr. Toni Abela fil-proċeduri li għaddejjin fil-Qorti dwar iz-żewġ siġġijiet li l-oppożizzjoni Nazzjonalista tgħid li giet mċaħħda minnhom. Li f’pajjiż demokratiku bħal Malta, membru tal-Unjoni Ewropea, kellhom iqumu dubbji dwar żewġ siġġijiet fil-Parlament u lil min verament imissu, bla ma dawn id-dubbji jiġu ċċarati dritt, hu diġa` fih innifsu fatt negattiv.

Pero`, li l-Partit Laburista li llum imexxi l-Gvern ta’ Malta b’maġġoranza sostanzjali, jidher bl-aġir tiegħu li qed jagħmel minn kollox biex dawn id-dubbji jibqgħu jkarkru fil-Qrati tagħna. Ċertament, din hi xi ħaġa li toqtol kull sens ta’ serjeta f’pajjiżna u li ttellef il-fiduċja tan-nies fl-istituzzjonijiet.

Fl-istqarrija il-Kulleġġ tal-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista jneħħi l-kappell quddiem il-pożizjoni ferma li ħadet il-Qorti l-bieraħ biex il-Partit Laburista jieqaf jaħli ż-żmien u jkarkar saqajh, għax il-poplu, aktar milli l-oppożizzjoni Nazzjonalista, jistħoqqilhom ikunu jafu u malajr kemm jista’ jkun, l-verita dwar min verament ħaqqu ż-żewġ siġġijiet fil-Parlament. Huwa biss b’dan l-mod li l-ġustizzja tista’ ssir u li l-valuri demokratiċi f’pajjiżna jistgħu jkomplu jiġu mħarsa.

Fl-aħħar, il-Kulleġġ Kandidati tal-Partit Nazzjonalista jieqaf mal-kandidati membri fi ħdanu, partikolarment dawk li qed jistennew il-konklużjoni tal-proċeduri fil-Qorti. Il-Kulleġġ iwiegħed ukoll li ser ikompli jitkellem bil-qawwa kollha f’isimhom u f’isem l-elettorat li lilhom għażel fl-aħħar elezzjoni ġenerali.