Ekonomija Lokali Parlament

Filmat: Diżappunt għall-Kamra tal-Kummerċ

Il-Kamra tal-Kummerċ tinsab diżappuntata li l-Gvern ma ħabbar l-ebda miżuri biex jonqsu t-tariffi tal-enerġija għall-intrapriżi, li dwarha l-kamra tal-Kummerċ tat rakkomandazzjoni bi priorità għal dan il-baġit, imma ġiet injorata.

Il-Kamra wriet it-tħassib tagħha li dan se jwassal biex Malta tkompli tara l-kompetittività tagħha f’numru ta’ setturi meta kkumparat ma’ pajjiżi u reġjuni oħra.

Diżappunt ukoll minn naħa tal-Kamra tal-Kummerċ hekk kif fil-baġit hemm ftit jew saħansitra l-ebda introduzzjoni tal-proposti mressaqa minnha fil-qasam tar-riċerka, it-teknoloġija, iżvilupp u l-innovazzjoni.

“Appoġġjata minn numru ta’ msieħba soċjali, il-Kamra tal-Kummerċ ażappellat biex jissaħħaħ dan il-qasam bħala wieħed mill-fatturi ewlenin għall-kompetittività ta’ pajjiżna,” saħqet il-Kamra tal-Kummerċ.

Għall-Kamra tal-Kummerċ, f’dan il-baġit Malta tilfet l-opportunità li tisfrutta r-riultati tal-ekonomija biex ninvestu lura l-flus biex pajjiżna jissalvagwardja futur ta’ kompetittività.

Appellat ukoll lill-Gvern biex jadotta pjan ħolistiku għall-immaniġġjar tat-traffiku bħalma kienet ipproponiet hi stess qabel tħabbar dan il-baġit.

Fi stqarrija b’reazzjoni għall-baġit, il-kamra tal-Kummerċ qalgħet li bi pjan simili biss jista’ pajjiżna jgawdi l-benefiċċji u l-frott ta’ skemi li jinkoraġixxu iżjed l-użu ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku, l-allokazzjoni ta’ 30% għall-manutenzjoni fit-toroq u l-link taħt l-art bein Malta u Għawdex.

Kompliet li s-soluzzjonijiet għall-problemi tat-traffiku f’Malta jeħtieġu l-identifikar b’mod urġenti u bil-għaqal ta’ trasport sostenibbli.

“Il-problema tat-traffiku teħtieġ soluzzjoni fit-tul u mhux sensila ta’ reazzjonijiet bl-għaġġla u mingħajr ħsieb,” saħqet il-Kamra tal-Kummerċ.

Fil-konklużjoni tagħha l-Kamra tal-Kummerċ innutat li l-baġit ta’ din is-sena kompla jibni fuq uħud mill-oqsma imma l-gvern investa inqas fl-ispiża kapitali. Faħħret il-miżuri favur l-intrapriża imma nnutat b’dispjaċir in-nuqqas ta’ proposti għat-tnaqqis fit-tariffi tal-enerġija.