Internazzjonali

Dubji dwar il-proposta ta’ Gvern ta’ għaqda nazzjonali Libjan

Id-deputati tal-membri parlamenti rivali tal-Libja esprimew id-dubji dwar il-proposta tan-Nazzjonijiet Uniti għal Gvern Libjan ta’ għaqda nazzjonali. Dan fost kummenti li fissru l-aħbar bħala ‘prematura’.
Il-proposta inkwistjoni ngħatat wara kważi sena ta’ taħditiet bejn il-Parlament fi Tripli li hu appoġġjat mill-Iżlamiċi u l-Gvern Libjan li jgawdi għarfien internazzjonali u li kellu jittrasferixxi minn Tripli lejn Tobruk, il-Lvant tal-Libja.
Ir-Rappreżentant tan-NU għal-Libja Bernardino Leon tkellem fil-Marokk, is-sede tat-taħditiet relevanti, u qal li Fayez Sarraj, mill-Parlament ta’ Tripli, għandu jkun innominat Prim Ministru Libjan. Iżda deputati fi Tripli qalu li mhumiex parti minn dan il-Gvern propost u li ma jfisser xejn għalihom għaliex huma ma kinux ikkonsultati.
Dan waqt li kelliem għall-Kamra tar-Rappreżentanti bbażata f’Tobruk qal li l-Gvern propost se jwassal għall-firda tal-Libja u li l-għażla ta’ Leon mhix waħda għaqlija.
Iż-żewġ Parlamenti, li għandhom gruppi ta’ milizzji rispettivi, ikollhom jivvutaw dwar jekk jaċċettawx il-proposta għal Gvern ta’ għaqda. Dan meta l-Libja ilha mifnija bil-vjolenza u l-kaos mill-2011, wara li kkrolla r-reġim tal-eksdittatur Muammar Gaddafi.