Lokali

Dubji serji dwar x’se jiġri mill-Air Malta

Il-unions li jirrapreżentaw lill-ħaddiema tal-Alitalia jinsabu irrabjati għaliex il-kumpanija m’għandiex lanqas ċenteżmu għall-impjegati. L-Alitalia teħtieġ issib il-finanzjament għaliha innifisha, u allura żgur li ma tistax tinvesti flus fl-Air Malta.

Hekk irrapporta illum il-ġurnal Times of Malta, bil-gazzetta titkellem direttament ma’ rappreżentanti tal-ħaddiema fl-Italja.

It-Times ikkonfermat illi l-Alitalia tinsab f’sitwazzjoni finanzjarja inkwetanti ħafna. U l-istess jista’ jingħad għall-Air Malta.

F’Lulju li għadda, l-avukat tal-Air Malta Aaron Galea Cavallazzi kien qal li l-linja nazzjonali tal-ajru tinsab minn taħt b’€66 miljun u fiċ-ċirkostanzi attwali, l-Air Malta hi vulnerabbli. Hu wissa li jekk ma jinstabx sieħeb strateġiku sa Ottubru, l-Air Malta tista’ tfalli.

Sa issa l-Gvern għadu totalment sieket dwar it-taħdidiet li għaddejin mal-Alitalia li kienet magħżula bħala l-linja tal-ajru preferuta li magħha bdew id-diskussjonijiet għall-bejgħ tal-Air Malta.

Il-Gvern malti baqa’ għaddej b’dawn it-taħdidiet minkejja li sar magħruf illi l-Alitalia qed titlef madwar nofs miljun ewro kuljum fl-operat tagħha.