Lokali Parlament

€9,000 f’reklamar dwar Triq il-Kosta f’anqas minn sena

Allokati wkoll €400,000 f’reklamar għat-trasport pubbliku

Matul din is-sena ntefqu €9,000 minn fondi tal-Gvern dwar Triq il-Kosta. Dawn il-flus intefqu biss biex javżaw lill-pubbliku dwar toroq li kienu se jingħalqu u dwar devjazzjonijiet tat-traffiku waqt li kien għaddej ix-xogħol li tlesta ftit tal-ġimgħat ilu.

Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru Joe Mizzi għal mistoqsija parlamentari tax-Shadow Minister Marthese Portelli.

Il-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura qal li dawn ir-reklami ma kinux jinvolvu promozzjoni tal-proġett innifsu, iżda avviżi lill-pubbliku rigward road closures u devjazzjonijiet rigward dan il-proġett.

B’kollox, l-ammont li ntefaq f’reklamar fuq il-proġett ta’ Triq il-Kosta mill-1 ta’ Jannar 2015 kien ta’ €8,953.68 (Vat mhux inkluża). Dan l-ammont tħallas kollu minn fondi lokali.

Din is-sena wkoll jrriżulta li sar reklamar qawwi wkoll dwar it-trasport pubbliku li b’fondi tal-Gvern u dawk minn Fondi Ewropej, ilaħħaq għal aktar minn €400,000.

Għal mistoqsija oħra tax-Shadow Minister Marthese Portelli, jirriżulta wkoll li l-ammont f’reklamar fuq it-trasport pubbliku mill-1 ta’ Jannar 2015 sa Novembru diġà kien ta’ €22,127.24. Dan l-ammont tħallas kollu minn fondi lokali. L-ammont f’reklamar li ġie bbukjat imma għadu ma tħallasx, huwa ta’ €32,535.02.

Il-Ministru Joe Mizzi qal ukoll li ġew allokati €350,000 f’fondi mill-Unjoni Ewropea għal reklamar fuq it-trasport pubbliku, speċifikament fuq il-kampanja sabiex tippromwovi l-użu tat-trasport pubbliku u tal-linja card.