Id-Deputat Indipendenti Marlene Frarugia sostniet fil-Parlament li l-poplu m’għandux fiduċja fiċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, mhux biss minħabba fl-iskandlu tal-Panama iżda wkoll għaliex hu wieħed mill-uffiċjali ewlenin fil-bejgħ tal-assi tal-pajjiż b’nuqqas ta’ trasparenza.
Marlene Frarugia qalet li l-iskandli kollha oriġinaw mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u dak li bnew missirijietna qed jinbiegħ. Dan filwaqt li l-Parlament ma jara l-ebda kuntratt.
Marlene Farrugia qalet li Keith Schembri kien żleali lejn il-pajjiż għaliex hu fetaħ kumpanija l-Panama meta kien diġà jaħdem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Li jimportana hu li fejn jidħlu l-finanzi tal-pajjiż u r-responsabbiltà ta’ missirijietna, l-pajjiż ikollu fiduċja f’dawn in-nies.
“Jien bħalissa m’għandix fiduċja u kien għalhekk li tlabt li Keith Schembri jinġieb fil-Kumitat biex jiskrutinja”, qalet Marlene Farrugia li offriet li l-kumitat ta’ skrutinju jkun kompost kollu minn membri tal-Gvern hekk kif saħqet li kienet lesta temenda l-mozzjoni f’dan is-sens jekk jaqbel il-Gvern.
Marlene Farrugia qalet li hemm deputati li jinsabu fil-politika biex jagħtu biss u mhux biex ikollhom karus fil-Panama inkella biex japprovaw l-aġir ta’ Keith Schembri biex iżommu posthom.
Ikkritikat lill-Gvern li biegħ iċ-ċittadinanza u qed ibiegħ il-voti, biegħ patrijiet mill-Enemalta, qed ibigħ is-settur tas-saħħa f’kuntratti li ma jkunux pubblikati, qed ibigħ l-Air Malta, l-artijiet bi prezzijiet redikoli.
“Il-Privitastion Unit ma tiswa xejn. Mur l-OPM u tinqeda”, sostniet Marlene Farrugia, li appellat għall-investigazzjonijiet ta’ Keith Schembri li l-Prim Ministru żammu miegħu u ddefendih.
Kull min qal li Keith Schembri ma jindħalax fil-ministri jaf li mhux veru għaliex f’kull ministeru hemm spiji. Għar-reazzjoni tal-Minsitru George Vella li oġġezzjona għal dan il-kliem, Marlene Farrugia wieġbet li hu ċar li l-Gvern Laburista għandu problema ta’ kuxjenza.
Keith Schembri ħataf lill-PL għal skopijiet tiegħu Kieku kien iħobb lil Malta kien jirriżenja, sostniet Marlene Farrugia, li kompliet li dan qed jagħmel ħsara kbira lil Malta.
Ikkritikat lill-Prim Ministru li hu salesman tal-affarijiet tal-poplu u tal-patrimonju tal-Maltin, u lil Keith Schembri li qiegħed jittradixxi lill-poplu meta għażel il-Panama flok pajjiżu.
“ Min se jappoġġja dan it-tradiment hu parti minn dan it-tradiment. Din tal-mistħija! Ridt lil Keith Schembri jiġi hawn biex jispjega għaliex ittradixxa lil pajjiżu. Ridtu jiġi hawn biex iwieġeb din l-għanqbuta twila ta’ kumpaniji”, saħqet Marlene.
//= $special ?>