Lokali

Eddie Fenech Adami jagħlaq 82 sena

Il-President Emeritu Eddie Fenech Adami għalaq 82 sena. B’karriera politika ta’ aktar minn 50 sena, ħajjet Eddie Fenech Adami ħalliet marka kbira b’politika li ġabet bidliet li baqgħu jinħassu sal-lum.

Eddie Fenech Adami serva bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni, Prim Ministru u President. Daħal fil-politika fl-1961, permezz tal-Kumitat Sezzjonali tal-PN f’Birkirkara u wara nħatar membru tal-Kumitat Eżekuttiv. Aktar tard sar Assistent Segretarju Ġenerali tal-Partit u fl-1969 kien elett għall-ewwel darba fil-Parlament, fejn baqa’ jkun elett f’kull elezzjoni sa dik tal-2003.

Ikkontesta għat-tmexxija tal-PN fl-1977 u kien elett wara Ġorġ Borg Olivier. Il-karriera politika mhux dejjem kienet ward u żahar, tant li d-dar u familtu spiċċaw fil-mira ta’ tkissir u swat f’Ottubru 1979, f’jum li baqa’ magħruf bħala “it-Tnejn l-Iswed”.

Eddie Fenech Adami mexxa u rebbaħ lill-PN fl-elezzjoni ġenerali tal-1981, iżda l-Gvern ta’ Mintoff baqa’ jmexxi minkejja li ma kellux il-maġġoranza tal-poplu. Matul dik il-leġislatura, inqatel Raymond Caruana, partitarju Nazzjonalista, fil-każin tal-Gudja.
L-għada tal-qtil ta’ Raymond Caruana, Eddie Fenech Adami indirizza lil eluf kbar u appella biex il-PN jaħdem għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali.

Eddie Fenech Adami rebaħ l-elezzjoni ġenerali tal-1987 u baqa’ jservi fil-kariga ta’ Prim Ministru sal-2004, b’pawża ta’ 22 xahar. Fenech Adami kien strumentali biex pajjiżna issieħeb fl-Unjoni Ewropea. Aktar tard, hu serva bħala President ta’ Malta, sal-2009, meta temm il-karriera tiegħu fix-xena pubblika.