Lokali Unjoni Ewropea

“Ejjew nagħtu lill-pazjenti aċċess affordabbli għall-kura u t-trattament tal-kanċer” – Therese Comodini Cachia

“Iċ-ċittadini Ewropej jixirqilhom aċċess ugwali u affordabbli għat-trattamenti u kura tal-ogħla kwalità għall-kanċer. Dawn il-pazjenti u l-familji tagħhom għandu jingħatalhom l-appoġġ”. L-MEP Maltija Therese Comodini Cachia qalet dan waqt diskussjoni dwar il-Kanċer fil-Pulmun fl-Ewropa organizzata miċ-Ċentru Internazzjonali għall-Istudji Parlamentari (ICPS) fi Brussell. Hija qalet li huwa verament importanti li jsir aġġornament fuq il-mod kif qed tingħata l-kura paljattiva, sabiex din tinbidel f’kura li toffri l-appoġġ lill-pazjenti, il-ħtieġa li l-Gvernijiet jaħdmu fil-qrib mal-NGOs li jipprovdu din il-kura u li jingħataw il-fondi meħtieġa.

Comodini Cachia rrimarkat kif qed jikber in-numru ta’ nisa u żgħażagħ li qed ipejpu u appellat għal aktar sforzi biex jikber l-għarfien fost il-pubbliku dwar il-kawżi li jwasslu għall-kanċer fil-pulmun. Tkellmet ukoll jekk il-miżuri preżenti humiex verament effikaċi, fosthom l-avviżi grafiċi fuq il-prodotti tat-tabakk u appellat sabiex tissaħħaħ il-ħidma fuq il-prevenzjoni. Comodini Cachia qalet li l-prevenzjoni għandha rwol kruċjali fil-ġlieda kontra l-kanċer u emfasizzat fuq ir-rwol li għandhom l-edukazzjoni u l-isport b’mod speċjali l-attività fiżika fil-prevenzjoni tal-kanċer.

Therese Comodini Cachia hija membru attiv tal-grupp ta’ MEPs magħmul mill-grupp politiċi differenti fil-Parlament Ewropew dwar il-kanċer. Hija qalet li tajjeb li wieħed jinnota li aktar minn 272 proġett ta’ riċerka dwar il-kanċer ġew iffinanzjati mill-Horizon 2020, b’investiment ta’ aktar minn €415 miljun, li jinkludu numru ta’ proġetti mmirati lejn il-kanċer fil-pulmun. Għaldaqstant m’għandhix tkun biss l-Unjoni Ewropea li tinvesti fir-riċerka u l-pajjiżi membri tal-Unjoni għandhom jagħti prijorità għall-investiment fir-riċerka.

Hija u titkellem fuq il-problema li dejjem qed tikber tat-traffiku f’Malta u ibliet oħra Ewropej, Therese Comodini Cachia staqsiet kemm il-pajjiżi membri qed jieħdu din il-kwistjoni bis-serjetà, b’mod speċjali meta wieħed jikkunsidra li l-emissjonijiet huma fost l-ikbar kontributuri għall-kanċer fil-pulmun. Matul l-2012, aktar minn kwart ta’ miljun persuna (268,000) mietu minħabba l-kanċer fil-pulmun fil-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea jew aktar minn 20.7% tal-imwiet kaġun tal-kanċer. Statistika tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) turi li l-kanċer fil-pulmun huwa fost it-tielet l-aktar kaġun tal-imwiet f’Malta, u l-inċidenza qed tiżdied.

Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil wiegħed li Gvern Nazzjonalista joffri kura ġusta għall-kanċer lil kull min ikollu bżonn, jipprovdi l-mediċini bla ħlas lill-anzjani u jinvesti bil-kbir fil-faċilitajiet sportivi u skemi oħra li jgħinu fil-prevenjoni ta’ problemi fis-saħħa u li jippromwovu stil ta’ ħajja san filwaqt li jinvesti f’sistema alternattiva tat-trasport pubbliku sabiex tonqos il-konġestjoni tat-traffiku.