Lokali

“Ekonomija li l-ġid igawdi minnu kulħadd” – Il-Kap tal-PN Simon Busuttil

“Li l-ekonomija tkun b’saħħitha hi xi haga tajba iżda dan m’għandux tkun għan minnu nnifsu. Iżda l-ekonomija għandha tkun waħda b’saħħitha li fiha, il-ġid igawdi minnu kulħadd. Għalhekk id-dokument ippubblikat mill-Oppozizzjoni iġib l-isem “Ekonomija ghan-nies”.”

Kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt il-programm Iswed fuq l-Abjad li xxandar l-Erbgħa filgħaxija fuq Net Television.

Dan ifisser ukoll li l-ekonomija u l-frott tagħha ma jkunux għall-ftit li jiffangaw iżda kulħadd ikollu sehem minnha.

Simon Busuttil qal li d-dokument Ekonomija għan-Nies juri li l-PN mhux qed jaħli l-ħin fl-Oppożizzjoni u minbarra li qed ikun oppożizzjoni effettiva, il-PN qed jippreżenta ideat li bihom jista’ jitqies bħala Gvern alternattiv.

Dan id-dokument, kompla Simon Busuttil, hu wieħed minn sensiela ta’ dokumenti li fuqhom il-Partit Nazzjonalista se jiddiskuti il-proposti u l-ideat, li eventwalment ikunu finalizzati fil-manifest elettorali. Il-Kap tal-PN qal li kuntrarju għal Muscat, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista mhux se taħbi l-ideat u l-programm elettorali mhux se jkun sorpriża.

Dwar l-inċidenti fil-Parlament u r-Ruling tal-Ispeaker, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li ma jaqbilx ma’ dan ir-ruling għaliex poġġa lil min hedded, fl-istess keffa ta’ min safa’ mhedded.

Simon Busuttil qal li l-attakk tad-Deputat Laburista Joe Debono Grech fuq id-Deputat Marlene Farrugia ħabat mal-Jum Internazzjonali kontra l-Vjolenza fuq il-Mara u bagħat messaġġ ħażin dwar kemm il-Gvern jimpurtah li jipproteġi nisa li huma vittmi ta’ vjolenza. Il-fatt li l-Prim Ministru Joseph Muscat baqa’ sieket u ppermetta dak il-lingwaġġ minn Deputat tiegħu juri li la hu liberali u lanqas moderat u progressiv.

Mistoqsi x’jagħmel differenti fil-qasam tas-sigurta’ kieku kien hu il-Prim Ministru, il-Kap tal-PN qal li qabel xejn ikun responsabbli u ma kienx, fi ftit xhur, joħroġ 14,000 permess ta’ residenza, l-istess numru daqskemm ġew immigranti f’10 snin.