Numru ta’ priġunieri nisa fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin huma dovuti eluf ta’ ewro għal xogħol ta’ ħjata fuq purtieri u kostumi matul is-sena li għaddiet, fi proġett li kien appoġġjat minn Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru.
Il-ġurnal The Times irrapporta kif priġunieri nisa ddisinjaw u ħietu purtieri għal esebizzjoni fil-Parlament f’Ġunju li għadda, ħadmu fuq soft furnishings f’numru ta’ swali f’San Vinċenz de Paule u ħietu madwar 400 kostum li ntużaw fl-attivitajiet taċ-CHOGM f’Novembru li għadda.
Il-proġett hu mmexxi minn Mary Grace Pisani, interior designer deskritta bħala ħabiba kbira ta’ Michelle Muscat. Priġuniera li tkellmet mal-ġurnal qalet li madwar 14-il priġuniera huma dovuti aktar minn 16,000 ewro għal xogħol li sar minn Ġunju li għadda.
Sostniet li kuntrarju għal kif jiġri s-soltu fl-industrija, ir-rata ta’ ħlas kienet ta’ 3 ewro kull metru, iżda l-qies jittieħed mill-wisgħa u mhux mit-tul tal-purtieri. Parti mill-qligħ kellu jinżamm imfaddal għal meta l-priġunieri joħorġu mill-Ħabs, filwaqt li parti oħra tintuża’ biex ikopru xi spejjeż ta’ kuljum.
Il-priġuniera li tkellmet ma’ The Times qalet li kienu trattati bħal skjavi, fejn ħafna drabi kellhom jibdew fl-4am u jibqgħu jaħdmu sas-7pm biex ilaħħqu maż-żmien stipulat għat-tlestija tax-xogħol. Iżda kkuntattjata mill-ġurnal, Mary Grace Pisani qalet li tifhem lill-priġunieri għalkemm qalet li għadha qed tistenna li titħallas mill-klijenti tax-xogħol.
Min-naħa l-oħra, il-ġurnal għamel diversi tentattivi biex jagħmel kuntatt ma’ Michelle Muscat, iżda dawn irriżultaw fin-negattiv.
Stqarrija mill-Partit Nazzjonalista
F’reazzjoni għal dak żvelat minn The Times, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami qal li dan il-każ jimmerita risposti ċari minn Carmelo Abela, il-Ministru responsabbli mill-Ħabs.
Il-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li jippromwovi skemi ta’ xogħol għall-ħabsin għax dan hu wieħed mill-metodi ta’ kif wieħed jirrijabilita ruħu, ma jista’ qatt jaċċetta li x-xogħol isir bi sfruttar.
Kull xogħol li jsir, għandu jsir b’dinjità u b’rispett lejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, qal il-Partit Nazzjonalista, li kkundanna lil kull min jipprova jdawwar din l-inizjattiva pożittiva fi sfruttament ta’ nies li ftit li xejn għandhom leħen.
Il-Partit Nazzjonalista kompla li l-Ministru Abela għandu, b’mod immedjat, jispjega kif żviluppat din is-sitwazzjoni ta’ sfruttament tal-ħabsin li jaħdmu sigħat twal u bi ħlas miżeru. Il-Ministru ghandu jassigura li dan l-isfruttament jieqaf minnufih u li l-ħabsin li għamlu xogħolhom, jitħallsu kif suppost, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>

