Lokali Parlament

Emendata l-liġi lejlet kompetizzjoni internazzjonali ta’ sparar li se ssir f’pajjiżna

Gvern u Opppożizzjoni qablu fil-Parlament biex tiġi emendata l-Liġi dwar l-Armi biex tiraturi barranin sportivi fl-età wkoll bejn 14 u 16-il sena jkunu jistgħu jisparaw f’kompetizzjonijiet ta’ sparar taħt superviżjoni.

L-emenda għal din il-liġi tressqet fil-Parlament illejla mill-Ministru Carmelo Abela hekk kif il-ġimgħa d-dieħla f’pajjiżna se jilqa’ l-Internation Gran Prix tal-Isparar, fen fost il-kontinġent Amerikan se jkun hemm żagħżugħ ta’ 14-il sena.

Il-liġi kif emendata tagħti l-poter lill-Kumissarju tal-Pulizija biex bħalma hu fil-każ ta’ ċiittadii Maltin, żgħażagħ barranin f’pajjiżna wkoll ikunu jistgħu jingħataw permess jisparaw f’kompetizzjonijiet sportivi fl-età bejn l-14 u 16-il sena.

Fid-dibattitu dwar din l-emenda importanti lejlet kompetizzjoni internazzjoznali li se ssir f’pajjiżna l-ġimgħa d-dieħla, tkellmu wkoll is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Chris Agius, u d-Deputat Nazzjonalista David Agius, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Gvern Lokali, Żgħażagħ u Sport.

Fid-dawl ukoll tas-suċċess li qed ikompli jikseb pajjiżna fid-dixxipplina sportiva tal-isparar, b’William Chetcuti li għamel unur kbir lill-pajjiżna u din il-ġimgħa stess bis-suċċess taż-żagħżugħ Nathan Lee Xuereb li rebaħ id-deheb fil-Junior World Cup fil-Ġermanja, il-kelliema tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni tkellmu favur u fuq l-importanza ta’ din l-emenda fil-liġi.

Id-Deputat Nazzjonalista David Agius fisser din l-emenda bħala pass pożittiv u appella għal aktar investiment fix-shooting ranges eżistenti ta’ pajjiżna u jinstabu s-soluzzjonijiet għad-diffkultajiet li hemm fil-preżent.

Appella wkoll biex id-dixxiplini sportivi marbuta mal-isparar jinfirxu wkoll fl-iskejjel u fl-Iskola Sport. Appella wkoll għal liġi dwar l-isport li tagħmel unur lil pajjiżna, li jkollna politika nazzjonali għall-isport, u għal taħditiet pożittivi li se jibdew dalwaqt bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar il-kumemrċjalizzazzjoni tal-isport f’pajjiżna u biex il-postijiet li jintużaw għall-isport jintużaw ukoll għall-kummerċjalizzazzjoni.