Ekonomija Lokali

Enfasi fuq l-aspett soċjali fil-proposti tal-Caritas għall-Baġit 2016

Fil-missjoni tagħha biex ittaffi l-faqar u tippromwovi l-iżvilupp uman u l-ġustizzja soċjali, Caritas Malta temmen li ekonomija b’saħħitha titlob agenda soċjali ambizzjuża.

Caritas Malta tagħraf bħala pożittiva r-rata baxxa ta’ qgħad fis-suq tax-xogħol lokali. Madankollu, fil-kuntest ta’ suq tax-xogħol attiv, temmen li l-impjiegi kollha għandhom iħallsu b’mod li jagħtu l-opportunità lill-ħaddiema li jgawdu livell ta’ għajxien stabbli u diċenti. Ċerti impjiegi mhux bilfors inaqqsu l-faqar.

Dan qalitu Caritas Malta fil-proposti tagħha għall-Baġit 2016, fejn spjegat li hu dritt bażiku li min jaħdem ikollu kundizzjonijiet ta’ xogħol diċenti, fosthom bi stabbiltà fuq ix-xogħol, sigurtà personali u anke salarju ġust mingħajr l-ebda forma ta’ abbuż. Fil-proposti tagħha, qed tħeġġeġ lill-Gvern biex jintensifika l-ġlieda tiegħu kontra l-prekarjat billi jieħu miżuri legislattivi, filwaqt li appellat ukoll għall-introduzzjoni ta’ paga minima nazzjonali adekwata u ħarsien tal-ħaddiema kollha mill-esplojtazzjoni fis-suq tax-xogħol.

Caritas Malta qalet li tagħraf il-fatt li f’kull soċjetà hemm numru ta’ persuni li ma jistgħux jaħdmu għax iħabbtu wiċċhom ma’ ċirkostanzi li jpoġġuhom f’din il-pożizzjoni. Dawn jinkludu mard, diżabbiltà, problemi ta’ saħħa mentali u anke dawk li jridu jieħdu ħsieb nies oħrajn. Sostniet li l-benefiċċji soċjali għandhom jiggarantixxu ħajja dinjituża u jagħtu lok lill-benefiċċjarji jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà.

Caritas Malta nnotat li matul l-2014, ir-rata ta’ faqar u esklużjoni soċjali kienet ta’ 23.8%, jiġifieri 99,000 persuna. Min-naħa l-oħra, dawk f’riskju ta’ faqar finanzjarju żdiedu għal 15.9% matul l-istess sena, jiġifieri żieda ta’ 0.2 fil-mija fuq l-2013.

Caritas Malta temmet tgħid li miżuri diretti mmirati lejn dawk bi dħul baxx, iħallu benefiċċji diretti u mmedjati fuq id-dħul disponsibbli tal-familji. Appellat lill-Gvern biex jagħmel analiżi tal-prezzijiet ta’ affarijiet essenzjali biex jirriflettu d-dħul tal-familji, filwaqt li jitwaqqaf Kunsill ġdid, simili għall-MCESD iżda separat minnu, li jiffokka fuq kwistjonijiet u riformi soċjali.