Ambjent Lokali

Erba’ għaqdiet ambjentali bi Protest Ġudizzjarju kontra l-proġetti ta’ bini għoli

Erba’ għaqdiet ambjentali – Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth (Malta) u r-Ramblers Association – ippreżentaw Protest Ġudizzjarju jsejħu lill-membri tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar biex ma japprovax il-permessi għal bini għoli sakemm tiġi osservata sew il-Liġi.

Fi stqarrija, l-għaqdiet ambjentali qalu li hemm provi dokumentati li ma ġewx segwiti l-proċeduri t-tajba. Għalhekk qed iżommu lill-membri tal-Bord tal-Awtorità personalment u kollettivament responsabbli biex jimxu mal-Liġi u mhux iduru magħha.

L-għaqdiet ambjentali ħadu dan il-pass lejliet li l-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar mistenni jiddeċiedi dwar permessi għal żewġ proġetti ta’ bini għoli: wieħed għal torrijiet minn Gasan u l-Grupp Tumas fl-Imrieħel u l-ieħor għal żvilupp f’Tigne minn Gasan ukoll.

L-erba’ għaqdiet qed jgħidu li dawn l-iżviluppi se jħallu impatt kbir u fit-tul fl-istil ta’ ħajja tar-residenti madwar pajjiżna. Dan hekk kif, minbarra l-impatt viżiv, il-proġetti se joħolqu konġestjonijiet tat-traffiku, impatt fuq il-kwalità tal-arja u anke fl-infrastruttura.

Għaldaqstant, l-għaqdiet qed jappellaw biex l-Liġijiet u l-politika tal-ippjanar ikunu segwiti b’mod skrupluż ħalli jkunu segwiti d-drittijiet tal-pubbliku. Il-proċess ta’ deċiżjoni għandu jkun segwit b’mod trasparenti u mingħajr l-ebda interferenza li tista’ twassal għal ksur tal-Liġi.

L-għaqdiet ambjentali komplew jinnutaw li, kif ikkonferma l-Kummissarju tal-Ambjent u l-Ippjanar David Pace, il-politika dwar il-bini għoli ma saritx bi proċess ta’ konsultazzjoni pubblika kif mitlub mil-Liġi.

Bil-Protest Ġudizzjarju tagħhom, l-erba’ għaqdiet ambjentali qed jappellaw lill-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar biex ma japprovawx il-permessi għal dawn il-proġetti għax, skont huma, imorru kontra l-Liġijiet relatati.