Lokali

Erba’ siti għal parkeġġ taħt l-art fil-Mosta

Il-Kunsill Lokali tal-Mosta qed jikkunsidra erba’ siti differenti biex isir parkeġġ taħt l-art bl-iskop li titnaqqas il-problema tal-parkeġġ fil-lokal.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Mosta kienet spjega f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Sindku Edwin Vassallo u l-Minority Leader Alex Muscat, li spjegaw kif il-Kunsill Lokali għadu ma ħax pożizzjoni għaliex l-erba’ siti qed ikunu ikkunsidrati u f’dan l-istadju għad ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni.

L-erba’ siti kkunsidrati huma l-parkeġġ eżistenti fil-ġenb tar-Rotunda, iż-żona wara r-Rotunda fejn hemm il-ġnien, l-ispazju fejn jarma l-monti u ż-żona bejn Triq il-Wied u Triq il-Lunzjata.

Is-Sindku Edwin Vassallo spjega kif oriġinat l-idea ta’ parkeġġ taħt l-art fl-2015 u qal li l-Kunsill Lokali tal-Mosta jaqbel unanimant li jsir parkeġġ taħt l-art li jesa’ 400 karozza. Dan il-proġett se jieħu l-forma ta’ public private partnership bil-komunità tibbenefika minn dan l-ispazju. L-investiment fil-proġett hu ta’ madwar €9 miljun.

Il-komunità tal-Mosta hi magħmula minn 20,000 li għandhom 22,000 vettura. Minbarra dan, fil-Mosta jaħdmu 6,800 persuna kuljum li wkoll jipparkjaw fil-lokal flimkien mal-madwar 2,000 imprenditur li għandhom negozju fil-lokal. Dan kollu qed joħloq problemi kbar ta’ trasport u parkeġġ kemm għar-residenti kif ukoll għall-komunità kummerċjali tal-lokal. Jirriżulta wkoll li kull sena jżuru l-Mosta madwar 700,000 turist, partikolarment biex jidħlu fir-Rotunda. Fl-2015 madwar 315,000 ħarġu ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta.

Minbarra l-proposta ta’ parkeġġ taħt l-art, il-Kunsill Lokali tal-Mosta qed jikkunsidraw ukoll żewġ proposti oħra fosthom li jinħolqu spazji għall-ipparkjar fit-toroq kollha tal-Mosta u skema ta’ ipparkjar għar-residenti.

Is-Sindku tal-Mosta Edwin Vassallo qal li s’issa għad ma ttieħdet ebda deċiżjoni dwar fejn se jsir il-parkeġġ taħt l-art għaliex din il-proposta tinsab fi stadju bikri. Jirriżulta li wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Mosta, Projects Malta qed toffri l-erba’ siti msemmija fil-Mosta li kollha huma ugwalment disponibbli għall-iżvilupp.

Bl-iskop li jkunu kkunsidrati l-aspetti kollha għal dan il-proġett se jitwaqqaf Kumitat Tekniku li fih se jkun hemm ukoll rappreżentant tal-Kurja. Dan minħabba li fost il-komunità tal-Mosta hemm diskussjoni dwar jekk għandux isir tħaffir eżatt ħdejn ir-Rotunda. Il-proposti jaħsbu biex il-Gvern iżomm id-dritt li jwaqqaf il-proġett jekk dan ma jkunx qed isir skont l-ispeċifikazzjonijiet.

PC Kunsill Lokali Mosta Parking-1470