Internazzjonali

Erdogan jikkritika l-ftehim mal-UE dwar l-immigranti

Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, qal li l-Unjoni Ewropea ‘ma kenitx sinċiera’ fir-rigward ta’ ftehim għall-għajnuna mat-Turkija li qed jimpenja lil pajjiżu biex irażżan l-influss tar-refuġjati mis-Sirja.

L-ilmenti ta’ Erdogan, waqt intervista mat-Televiżjoni ARD tal-Ġermanja, ingħataw fi żmien ta’ tħassib partikulari dwar il-ftehim tal-UE ma’ Ankara li kien intlaħaq f’Marzu li għadda. Dan fost it-taqlib u sens kbir ta’ preokkupazzjoni li segwew l-attentat għal kolp ta’ stat fallut fit-Turkija, li kien żbroffa matul il-lejl tal-15 ta’ Lulju.

Intant, Erdogan qed jixli lill-UE talli ‘tħallsu biss bejn il-miljun u ż-żewġ miljun ewro lit-Turkija, meta pajjiżu, skont il-ftehim, kienet imwiegħed madwar tliet biljun ewro’.

Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea qed tiċħad l-akkużi li hi ma rrispettatx l-obbligi tagħha taħt dan il-ftehim.

It-Turkija, fil-preżent, qed iżżomm madwar 2.7 miljun refuġjat Sirjani u l-President Erdogan qal li l-ispiża relatata għal pajjiżu, s’issa, tammonta għal qrib il-11-il biljun ewro. Fl-istess ħin, Erdogan qal li t-Turkija se tirrispetta l-impenji rigward ir-refuġjati, meta pajjiżu qed jieħu lura Sirjani u immigranti oħrajn li qed ikunu interċettati lil hinn mill-gżejjer Griegi.

Qabel il-ftehim ta’ Marzu, il-Greċja ma setgħetx tlaħħaq mal-isfidi marbutin mal-akkomodazzjoni tal-immigranti u r-refuġjati li kienu qed jivvjaġġaw mit-Turkija lejn l-artijiet tagħha. Iżda mindu daħal fis-seħħ il-ftehim bejn l-UE u Ankara, naqsu drammatikament l-immigranti li qed jaqsmu l-Baħar Eġew min-naħa tat-Turkija.