Internazzjonali

Erdogan jinsisti b’linja iebsa fil-konfront tal-UE

ISTANBUL, TURKEY - NOVEMBER 26: (TURKEY OUT) Turkish women protest during a rally against the forthcoming visit of Pope Benedict XVI on November 26 in Istanbul, Turkey. Benedict XVI will arrive November 28 in Turkey, his first visit to a Muslim country as pontiff. (Photo by Burak Kara/Getty Images)

Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan informa lill-Unjoni Ewropea li pajjiżu m’għandux jibdel il-liġijiet tiegħu għal kontra t-terroriżmu, taħt sistema ta’ skambju li tippermetti biex it-Torok jivvjaġġaw mill-Ewropa mingħajr visa.

L-intenzjoni ta’ Erdogan kienet ċara fejn sostna, waqt diskors fuq it-televiżjoni, li ‘t-Turkija hi lesta biex taqbad id-direzzjoni tagħha waqt li l-UE tista’ tagħmel l-istess’.

Il-President Tork kien qed jitkellem l-għada li l-Prim Ministru tiegħu, Ahmet Davutoglu, li kien in-negozjatur prinċipali fil-ftehim mal-UE, ikkonferma r-riżenja mill-kariga.

Hu mifhum ukoll li Davutoglu ma jaqbilx mal-pjan ta’ Erdogan biex il-Presidenza tat-Turkija tassumi poteri akbar ‘bħala ħtieġa nazzjonali, aktar milli waħda personali’.

L-Unjoni Ewropea talbet lit-Turkija biex tirrevedi l-liġijiet tagħha għal kontra t-terroriżmu bħala kundizzjoni biex it-Torok jivvjaġġaw fl-istati membri Ewropej mingħajr visa, waqt żjarat qosra.

Il-pajjiżi tal-UE jridu li t-Turkija tnaqqas id-definizzjoni wiesgħa tat-terroriżmu biex hi żżomm mal-livelli aktar stretti tal-Ewropa. Din il-kriterja kienet fost ħamsa mressqa mill-UE li t-Turkija trid taqbel dwarhom biex tissodisfa l-ħtiġiet tal-Ewropa rigward l-ivvjaġġar tat-Torok mingħajr visa.

Madankollu, il-President Erdogan ċaħad għal dan, u insista li t-Turkija, illum, għadha tiffaċċja t-theddid serji mit-terroristi.