Internazzjonali

Eroj Amerikan jaqla’ daqqiet ta’ sikkina wara li pprova jaqbeż għal mara msawwta

Amerikan li kien sar eroj meta, fis-sajf, ikkonfronta terrorista fuq ferrovija destinata għal Pariġi jinsab f’sitwazzjoni ‘serja iżda stabbli’. Dan wara li hu qala’ diversi daqqiet ta’ sikkina waqt inċident f’Sacramento, fl-Istat ta’ Kalifornja.

Nifhmu li Spencer Stone, membru tal-qawwiet tal-ajru u li għandu 23 sena, spiċċa aggredit meta pprova jipproteġi tfajla li kienet qed tissawwat ‘mill-boyfriend tagħha’. Fl-eqqel tad-drama, Stone spiċċa jiġġieled ma’ tliet irġiel, tnejn minnhom Asjatiċi, bil-pulizija qed tfittex ‘lill-aggressuri’ li telqu mill-inħawi b’karozza.

Ix-xhieda li assistew għall-ġlieda qalu li raw wieħed mill-irġiel jagħti daqqa lill-mara ‘li dehret li kienet it-tfajla tiegħu’, bi Stone jintervjeni fil-pront bl-iskop li jiddefendiha. Dawn ix-xhieda qalu li Stone ‘ma bediex il-ġlieda’, bil-kameras tas-sigurtà jaqbdu lill-mara inkwistjoni qed tidħol fl-istess karozza tal-aggressuri qabel ħarbu minn hemm. L-awtoritajiet jaħsbu li l-mara, li għandha 24 sena, kienet trattata għal xi ġrieħi wara l-ġlieda.

Xi sorsi infurmati sostnew li l-ġlieda setgħet kienet relatata għal ‘inċident li seħħ aktar qabel ġo nightclub taz-zona’. Il-feriment ta’ Stone ma jidhirx li hu konness ma’ aġir terroristiku, bl-aggressuri tiegħu x’aktarx li ‘ma kenux jafu li kienu qed jikkonfrontaw bniedem famuż’.

Fis-sajf li għadda, Spencer Stone u żewġt iħbieb tiegħu kienu qed jivvjaġġaw b’ferrovija mill-Olanda lejn Pariġi meta raġel armat fil-viċinanzi aġixxa bi skop terroristiku. Stone kkonfronta lill-armat ta’ nisel Marokkin (li jismu Ayoub El-Khazzani) meta hu fetaħ in-nar fejn irnexxielu jrażżnu bl-għajnuna ta’ sħabu, Alex Skarlatos u Anthony Sadler. Raġel Britanniku li jismu Chris Norman ukoll intervjena biex jgħin lill-Amerikani, bi Stone jispiċċa ferut fit-taqbida mal-Marokkin.

L-azzjoni erojka kienet rikonoxxuta madwar id-dinja, bit-tliet Amerikani u Norman ikunu onorati bil-Legion of Honor, li hu l-akbar unur ta’ Franza għall-qlubija.