Lokali

Evarist Bartolo mhux ser jikkontesta għal deputat mexxej Laburista

“Għal dawk li qed jistaqsuni iniex se noħroġ għall-ħatra ta’ deputat mexxej tal-Partit Laburista, inwieġeb li le. Nemmen li l-aħjar mod kif naħdem għall-ideali tal-ġustizzja soċjali, tal-inklużjoni, tal-progress ekonomiku u tad-drittijiet huwa li nkompli nservi mill-aħjar li nista’ fix-xogħol u responsabbiltajiet li għandi bħalissa. Nawgura li għal din il-ħatra joħorġu persuni li jagħmlu ġieħ lill-valuri tal-Partit Laburista u jkunu d-delegati li jagħżlu”.

Kien b’dan il-kliem li permezz ta’ messaġġ fuq il-paġna personali tiegħu ta’ Facebook il-Ministru Evarist Bartolo ħabbar li ma’ kienx ser jikkontesta l-kariga ta’ deputat mexxej Laburista. Kliem li wasal ftit tas-siegħat wara li l-Ministru Chris Cardona minn naħa l-oħra għamilha ċara li kien ser jikkontesta għal din il-kariga.

Sa minn ftit siegħat wara li ħarġet l-aħbar li l-kariga ta’ deputat mexxej kienet mill-ġdid vakanti kien hemm diversi Ministri li bdew jimbuttaw lilhom infushom pubblikament biex jinħatru Deputat Mexxej Laburista. L-ewwel li beda kien Edward Zammit Lewis, b’persuni qrib ħafna tiegħu bdew jiktbu pubblikament u jdawwru l-kelma li hu ghandu jinħatar Deputat Mexxej minflok Konrad Mizzi.

Ħafna fil-Partit Laburista qegħdin jaraw l-aħħar mossi ta’ Cardona u Zammit Lewis bħala ġlieda bejn żewġ Ministri fuq l-istess distrett. Madankollu, mhux eskluż li fil-ħin li ġej aktar Ministri jħabbru l-interess tagħhom li jinħatru Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, fosthom il-Ministru Owen Bonnici.