Lokali

Falliment totali fit-trasport pubbliku – il-PN

Id-dikjarazzjoni tal-Ministru tat-Traffiku Joe Mizzi aktar kmieni dalgħodu, jiġifieri li fil-ġimgħat li ġejjin se jerġa’ jbiddel is-sistema tat-trasport pubbliku, tikkonferma l-falliment totali ta’ dan il-Gvern fit-trasport pubbliku.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, f’isem ix-Shadow Minister għat-Trasport Marthese Portelli, fejn ingħad li filwaqt li s-sistema li wiret dan il-Gvern ma kinitx waħda perfetta, illum is-sitwazzjoni tinsab ferm agħar milli kienet sentejn ilu.

Il-Partit Nazzjonalista qal li llum, mhux talli l-passiġġieri għandhom servizz agħar milli kellhom qabel, iżda talli qed iħallsu €30 miljun (tliet darbiet aktar milli kien qed iħallas qabel) f’sussidju lill-kumpanija Spanjola.

L-unika ħaġa li għandu jagħmel il-Ministru Joe Mizzi hi li jammetti li s-servizz tat-trasport pubbliku hu agħar milli kien qabel. L-unika ħaġa li għamel il-Ministru f’dawn it-tliet snin hi riforma fuq riforma tiegħu stess għax is-sistema tat-trasport pubbliku ta’ dan il-Gvern hi falliment totali, temmet tgħid l-istqarrija.